• Nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ippreżenta l-‘Premju Dun Mikiel Azzopardi 2015’ lil Anġela Agius, persuna nieqsa mis-smigħ. F’kelmtejn li għamel, Mons Arċisqof irringrazzja lil Anġela, li għalkemm nieqsa mis-smigħ, kienet preżenti u l-preżenza tagħha kienet preżenza sabiħa. Huwa żid jgħid li dawk kollha preżenti fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann kienu hemm biex jixhdu l-vanġelu tal-ħajja li jgħid li kull ħajja għandha valur. Huwa temm billi ħeġġeg għat-talb biex il-kawża tal-beatifikazzjoni ta’ Mons Mikiel Azzopardi timxi ‘l quddiem. 

    Il-Premju Dun Mikiel Azzopardi jingħata kull sena mid-Dar tal-Providenza biex jirrikonoxxi l-kontribut volontarju ta’ persuni fil-qasam tal-persuni b’diżabilità f’Malta w Għawdex. Dan il-Premju tnieda ghall-ewwel darba għoxrin sena ilu, f’għeluq it-tletin sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza. 

    Il-kunċert u l-preżentazzjoni tal-Premju Dun Mikiel Azzopardi saru taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President tar-Repubblika, Mrs Marie Louise Coleiro Preca li kienet rappreżentata mir-raġel tagħha s-Sur Edgar Preca. Il-Kunċert mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kien organizzat mill-RTK4Charity u d-Dar tal-Providenza bil-kortesija tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.