L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’din il-knisja tassew sabiħa nħarsu lejn l-istatwa ta’ Ġesù b’idejh miftuħa u bil-qalb tiegħu mdawra bix-xewk li jfakkarna fil-kuruna tax-xewk li laqa’ fil-passjoni ħarxa tiegħu u li tfakkarna wkoll fi dnubietna. Imma qalb Ġesù hi mimlija ħeġġa, mimlija nar ta’ mħabba għal kull wieħed u waħda minna. L-Evanġelju li qrajna, li huwa l-Evanġelju tal-passjoni ta’ Ġesù skont San Ġwann, ifakkar li s-suldat qabad lanza u biha nifed il-kustat tal-Mulej u mill-qalb minfuda tiegħu ħarġu demm u ilma (Ġw 19:34). Id-demm huwa l-ħajja, l-ilma huwa wkoll sinjal ta’ tbatija kbira għalhekk jifforma ruħu fil-qalb, imma wkoll sinjal ta’ tisfija.

Il-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù  li qed niċċelebraw illum minn dejjem kienet festa li tfakkarna fil-ħniena kbira tal-Mulej għal kull wieħed u waħda minna. Ġesù, ħin minnhom, jitkellem fuq il-qalb tiegħu. L-Evanġelju ta’ San Mattew jgħidilna: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli”. U jgħidilna wkoll: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom … għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (ara Mt 11:28-30).

Dan xi jfisser? Imma t-toqol mhux dejjem toqol? U l-madmad mhux dejjem madmad? Kif jista’ madmad li jgħabbi l-ispallejn ikun ħelu u t-toqol isir ħafif? Is-sigriet huwa li ngħaddu minn xiex ngħaddu matul ħajjitna, għandna ngħaddu ħajjitna ma’ Ġesù u l-qalb tiegħu. B’hekk, dak li hu toqol, għalkemm it-toqol jibqa’ hemm, isir ħafif biex inġorruh. U l-madmad li jorbotna u ħafna drabi jnaqqasna mil-libertà, isir ħelu.

Kemm hi ħaġa sabiħa li f’din il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù nisimgħu bir-reqqa l-parir li jagħtina l-Appostlu Missierna fit-tieni qari li smajna: Poġġu l-għeruq tagħkom fl-imħabba (ara Ef 3:17). Immaġina li kull wieħed u waħda minna hija xitla żgħira ta’ siġra u din għandha bżonn l-għeruq biex tikber u l-għeruq għandhom bżonn in-nutriment tal-ħamrija u l-ilma. Hija l-imħabba li se tagħtina n-nutriment li għandna bżonn, li se tagħtina wkoll ir-risposta, it-tweġiba għall-għatx ta’ qalbna.

Fil-bidu tal-quddiesa smajna qari sabiħ ħafna fejn il-Mulej jgħidilna: “Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom, b’rabtiet ta’ mħabba” (Hos 11:4). Dan hu l-kliem li juża l-Mulej. Kemm il-darba fil-qari ta’ din il-festa kbira tal-lum nisimgħu l-kelma ‘imħabba’ u ‘ħniena’. “M’hemmx imħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Dan hu li qegħdin infakkru llum fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesù. U kif hemm miktub fl-ark ta’ din il-knisja sabiħa bil-Latin, aħna lkoll nafdaw fil-Qalb ta’ Ġesù. Hekk hemm miktub. Aħna nduru lejk, lejn il-Qalb Imqaddsa tiegħek waqt li nafdaw fik. Flimkien ngħidulu: O Ġesù ta’ qalb ħelwa u ħanina, agħtina l-għajnuna u l-ħniena tiegħek.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Hos 11, 1.3-4.8ċ-9
Salm: Is 12, 2-3.4bċd. 5-6
Qari II: Efes 3, 8-12.14-19
Evanġelju: Ġw 19, 31-37

More Photos >>