Nhar it-Tnejn, 24 ta’ Jannar 2011, Mons. Charles Cordina, Segretarju Pastorali, ċċelebra Quddiesa għall-ġurnalists fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales. Fil-messaġġ tiegħu, Mons. Cordina tkellem dwar il-medja li qal, toffrilna opportunita’ għall-evanġeliżazzjoni.

Messaġġ ta’ Mons. Cordina: In-Nisrani, frott tal-magħmudija tiegħu, għandu l-impenn li jkun ta’ ħmira, dawl, u melħ fis-soċjeta’ li fiha qed jgħix.

Il-medja, bl-opportunita’ tal-karta stampata, tar-radju, tat-televizjoni, ta’ l-internet, u tal-medja moderna qed toffri kontinwament l-possibilita’ li niftħu djalogu mas-soċjeta’ dwar ir-realtajiet tal-ħajja, u x’għandu jispirahom u jimmotivahom fil-għejxien tagħhom. Il-kittieba, ġurnalisti, produtturi, u persuni professjonali oħra nsara li qed jagħtu kontribut siewi fl-izvilupp tal-medja tallum, għandhom iħossu r-responsabilita’ li jwasslu, anki b’dan is-sehem tagħhom, u hu sehem importanti ħafna, dawk il-valuri li huma ispirati mill-esperjenza li offrielna l-Mulej Ġesu’ meta ġie fostna u qasam magħna l-esperjenza tiegħu. Din hi l-bxara t-tajba li nitkellmu fuqha. Hija aħbar (ghalhekk bxara) li tista’ tagħmel il-ġid (ghalhekk tajba) anki lill-bniedem tallum fil-ħafna inċertezzi li qed isib ruħu fihom.

Ma’ dawn in-nies professjonisti tal-medja, hemm aħna lkoll li b’xi mod ukoll għandna nimpenjaw lilna nfusna, u għandna nħossu r-responsabilita’ li nagħmlu dan, biex nisfrutaw b’mod posittiv l-possibilita’ li qed toffrilna l-medja illum li nistgħu niktbu, inċemplu, nibgħatu messaġġi, noħolqu siti u paġni fuq l-internet fejn permezz ta’ hekk inwasslu l-esperjenza tagħna ispirata mill-valuri nsara li aħna nħaddnu u ngħixu.

San Franġisk ta’ Sales dan li għamel. Kien kreattiv bizzejjed li uża l-mezz tal-kitba u l-istampar biex iwassal l-messaġġ nisrani b’mod li seta’ jilħaq  u jifmhu il-poplu.

Għalhekk ħaqqhom kull tifħir dawk l-insara li, jew għax huma professjonisti f’dan il-qasam tal-medja, jew għax jieħdu interess li joffru l-kontribut umli tagħhom, qed jagħtu sehem siewi għall-evanġeliżazzjoni permezz tal-medja.

Jalla jkun hemm ħafna oħrajn li jagħrfu din il-possibilta’ li qed toffrilna l-medja tallum u jitħajru jagħmlu l-istess.

Photos by: Gorg Mallia