Minn għada 19 ta’ April, il-Ħadd tal-Ħniena Divina, l-Arċidjoċesi ta’ Malta se tibda xxandar Quddiesa bl-Ingliż. Din l-inizjattiva qed issir b’kollaborazzjoni mal-PBS.

Il-Quddiesa se tixxandar fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta www.knisja.mt fl-10:30am u fuq TVM2 fis-6:30pm. L-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra l-Quddiesa mill-knisja tal-Patrijiet Franġiskani, li hi dedikata lil San Franġisk, fil-Ħamrun. Il-knisja hi ċentru ta’ devozzjoni lill-Madonna tas-Sokkors.

Fil-preżent, Quddies qed jixxandar kuljum (mit-Tnejn sal-Ħadd) fid-9:30am fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt. Dawk li ma jkunux jistgħu jaraw il-Quddies filgħodu jistgħu jaraw l-istess trasmissjoni fil-5:30pm fuq TVM2 mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Is-Sibt filgħaxija tiġi ċelebrata Quddiesa bil-Malti li tixxandar fis-6:30pm mis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex.