L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Waħda mill-affarjiet li jolqtuni f’dan il-qari li kull sena nibdew bih ir-Randan huwa li Ġesù jagħtina t-tliet għemejjel tar-Randan: il-karità, it-talb u s-sawm. Il-karità tħares lejn il-proxxmu; it-talb hu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla; u s-sawm hu kif nieħdu ħsieb tagħna nfusna b’ħajja sobrjetà u ta’ kontroll tagħna nfusna. Is-sawm mhuwiex li tgħakkes lilek innifsek b’mod mażokista imma li tieħu ħsiebek bi stil ta’ ħajja mrażżna, il-bilanċ tal-ħajja. Din hi l-iskola tas-sawm.

Ġesù jinsisti li dawn it-tliet għemejjel għandhom ikollhom bħala xhud xi ħadd li jaf jaqra l-qalb. Ġesù jgħid: dak li jaqra, dak li jsir fil-moħbi, fl-intimità tal-ġewwieni tagħna (ara Mt 6:18). Allura mhix kwistjoni li nilbes maskra, biex nuża espressjoni li tal-Papa Franġisku fil-messaġġ tar-Randan għal din is-sena. Hu jistedinna biex ma nibżgħux inneħħu l-maskri—mhux tal-Karnival għax dak suppost għadda—imma l-maskri li nilbsu biex naħbu min aħna jew il-biża’ lejna nfusna. Allura karnival is-sena kollha. Jgħidilna l-Karnival għadda, ir-realtà hi li naffaċċja lili nnifsi, ir-realtà tiegħi mingħajr maskra. Għaliex? Għax quddiem Alla, jien kif jien u ta’ li jien.

Ġesù jixtieq li l-karità, it-talb u s-sawm tagħna jsiru quddiem Alla. Imma xi ħaġa li tolqotni hi li meta jitkellem dwar Alla, Ġesù juża l-kelma ‘missier’, ma jgħidx l-imħallef jew il-pulizija, iżda jgħid ‘missier’: “Missierek li jara dak li hu fil-moħbi, missierek iroddlok hu” (Mt 6:18). “Missierek” jirrepetiha għal darba, darbtejn, tlieta. Dan ir-Randan irridu niskopru lil Alla ta’ Missierna, li hu. Il-missier hu missier għax għandu l-ulied, għax hemm relazzjoni ta’ mħabba li tagħti l-ħajja.

Forsi wħud illum insew li beda r-Randan u qegħdin jiċċelebraw il-festa ta’ San Valentinu. Insellmilhom ukoll. Xi ħaġa li laqtitni propju f’din il-ġurnata li fiha aħna l-Kattoliċi nibdew ir-Randan hi l-lingwaġġ ta’ mħabba li nsibu wkoll fl-ewwel qari li smajna: “L-għala għandu jingħad fost il-popli: ‘Fejn hu Alla tagħhom?’ U l-Mulej ġietu għira għall-art tiegħu, għader il-poplu tiegħu” (Ġoel 2:17-18).

Issa minn jaf x’inhi l-imħabba, jaf x’inhi l-għira. Ngħidu li l-għira tista’ tkun negattiva imma tista’ tkun ukoll l-għira li jsemmi l-profeta hawnhekk: l-għira ta’ min iħobb u ma jixtieqx jitlef l-oġġett tal-imħabba tiegħu. Hemm għira qaddisa: l-għira ta’ min investa ħafna emottivament, psikoloġikament u fiżikament f’relazzjoni ta’ mħabba u li ma jixtieqx li r-relazzjoni tispiċċa fix-xejn jew tintilef.

Il-Mulej għandu dit-tip ta’ għira għalina, għax hu jħobbna, u jaf ikun għajjur u ma jċedix malajr li aħna nitilquh biex immorru wara ħaddieħor. X’inhi r-relazzjoni ta’ Alla? Il-Mulej juri l-għira tiegħu, li hi espressjoni tal-imħabba tiegħu, billi jagħder u jħenn.

F’dan l-istaġun sabiħ tar-rebbiegħa tar-ruħ li hu r-Randan, irridu niskopru lil Alla bħala l-Missier li ma jixtieqx jitlaqna minn taħt idejh u minn taħt il-ħarsa tiegħu, imma mhux biex joħnoqna jew jassarna għax kultant l-għira negattiva taf toħnoq u tjassar. Dik hi l-għira negattiva. L-għira tal-Mulej tesprimi ruħha fil-mogħdrija, fil-kompassjoni, u fit-tenerezza tal-ħniena.

Illum aħna qed nirċievu s-sinjal tal-umiltà li hu l-irmied, li fl-antik kien jintuża wkoll għall-purifikazzjoni. L-irmied kien ukoll aġent tal-indafa u kien jintuża propju biex wieħed inaddaf. L-irmied allura jippurifika, hu wkoll sinjal tat-tmiem, sinjal ta’ umiltà imma l-istedina li tagħtina l-Knisja waqt li tislet l-istedina ta’ Ġesù hu: indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba.

Jien nibdel l-mentalità tiegħi u nindem jekk niskopri li Alla hu missieri u li l-għira tiegħu għalija hi l-ħniena tiegħu, il-mogħdrija tiegħu, il-kompassjoni. B’hekk ikolli l-qawwa, bħalma tlabna fil-bidu ta’ din il-quddiesa, li nitwettqu bil-qawwa tar-rażan u nissieltu kontra l-ispirti tal-ħażen.

Aħna l-isqfijiet, il-Ħadd li ġej, għandna kelma ta’ kuraġġ lill-poplu tagħna. Qed nissuġġerixxu li dis-sena, imma nibdew b’dan ir-Randan, nimmeditaw u nħaddmu fina dik it-talba tal-Innu Malti li kiteb Dun Karm fl-Innu Malti għal dawk il-ħames barkiet.

Matul din is-sena se tisimgħuni nsemmihom kemm-il darba. Il-ħames barkiet li jitlob Dun Karm Psaila fl-Innu Malti huma d-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem. Minn dan il-weekend, fil-parroċċi se tirċievu santa bl-Innu Malti. Bħala talba qed nissuġġerixxi li matul ir-Randan ngħidu l-Innu Malti, li hu talba għal pajjiżna u għal kull wieħed u waħda minna. Għandha vantaġġ li mhix talba twila u hi poeżija sabiħa bir-rima, u min jixieq jista’ jkantaha wkoll.

Illum, aħna u nilqgħu d-don tal-irmied li hu sinjal tal-umiltà, niftakru li Alla hu Missierna u li l-għira u l-imħabba tiegħu għalina jissarrfu fil-ħniena.


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġoel 2:12-18
Salm: 50 (51): 3-4,5-6a,12-13,14 u 17
Qari II: 2 Kor 5:20 – 6:2
L-Evanġelju: Mt 6:1-6,16-18

Aktar ritratti