• Abbozz ta’ ligi dwar l-Ippjanar tal-Izvilupp 2015

    Abbozz ta’ ligi dwar it-Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u tal-Ippjanar, 2015

    Abbozz ta’ ligi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, 2015

    Sa mill-2009, meta l-ħsieb li l-MEPA tinqasam f’żewġ awtoritajiet separati (waħda tieħu ħsieb l-iżvilupp u l-oħra l-ambjent) kien għadu lanqas biss ġie propost bħala wegħda elettorali, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) dejjem qieset dan il-pass bħala importanti u meħtieġ. Għaldaqstant hija ssottomettiet ir-reazzjonijiet tagħha għat-tliet abbozzi ta’ liġi msemmija, anke biex kulħadd jifhem b’mod ċar x’kellha f’moħħha l-KA meta tkellmet dwar din is-separazzjoni. Fil-fatt hemm numru ta’ artikli fit-tliet abbozzi li dwarhom il-KA għandha oġġezzjonijiet serji, u għalhekk temmen li għandhom jinbidlu.

    Il-KA tixtieq tfakkar lill-membri parlamentari kollha li d-dmirijiet lejn il-pajjiż m’għandhomx jitqiesu bħala obbligazzjonijiet lejn xi gruppi partikulari li moħħhom biss biex jistagħnew malajr huma, akkost li jiġi sfruttat l-ambjent naturali jew li jiżdied il-bini f’ambjent urban li jnaqqas flok itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

    Fi stqarrija li kienet bagħtet lill-partiti politiċi qabel l-elezzjonijiet tal-2013, il-KA kienet issuġġeriet li sabiex l-ambjent ikun aktar imħares, il-funzjoni tal-protezzjoni tiegħu kellha tiġi separata mill-qasam tal-ippjanar tal-iżvilupp, għaliex fl-opinjoni tal-KA,il-MEPA ma kenitx qed tkun effettiva biżżejjed fil-protezzjoni tal-ambjent naturali. Li kieku l-MEPA ffunzjonat kif kellha tiffunzjona, ma kienx ikun hemm il-ħtieġa li jittieħed dan il-pass. Iżda b’dispjaċir il-KA tinnota li lil hinn mid-diskors sabiħ u mill-mod kif qed tiġi ppreżentata din is-separazzjoni u l-ħolqien ta’ żewġ awtoritajiet, permezz tal-abbozzi ta’ liġi li qed jiġu diskussi, l-ambjent se jerġa’ jingħata daqqa ’l isfel minħabba li se tiddgħajjef il-funzjoni tal-ippjanar tal-iżvilupp li kienet ġiet introdotta wara snin ta’ sfreġju ambjentali minħabba l-indħil dirett min-naħa tal-Ministeru li jirregola l-iżvilupp fil-pajjiż. Il-KA jisgħob biha tinnota li l-abbozzi, kif proposti, huma pass lura fejn jidħol ippjanar tajjeb tal-iżvilupp u ma jagħtu l-ebda garanzija ta’ protezzjoni la tal-ambjent u lanqas tal-wirt kulturali.

    Il-Kummissjoni tappella lill-membri parlamentari kollha, biex ma jonqsux mir-responsabbiltajiet li għandhom. Ma għandhom qatt iserrħu l-kuxjenza billi jgħidu li bil-qasma fil-MEPA kien qed jitwettaq dak li kien ġie mwiegħed waqt il-kampanja elettorali. Fil-fehma tal-KA, dawn il-proposti qegħdin jiffavorixxu l-kollass ta’ tmexxija tajba fl-Awtorità tal-Ippjanar, u l-indħil legalizzat mill-ministru konċernat.

    Il-KA kienet tippretendi li, wara snin ta’ sistema ta’ ppjanar kif nafuha llum, mal-pubblikazzjoni tal-Abbozzi kellhom jiġu pubblikati wkoll u spjegati fid-dettall ir-raġunijiet għat-tibdiliet speċifiċi fil-liġijiet. Il-fatt li l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED), li m’ilux li ġie approvat mill-Parlament, huwa fih innifsu dokument li huwa batut ħafna, u jkompli jdgħajjef dawn it-tliet abbozzi ta’ liġi. Barra minn dan, it-tibdiliet li diġà saru f’policies jirrendu l-bini fuq art barra ż-żoni tal-iżvilupp aktar faċli.

    Il-KA tinsab inkwetata ħafna li l-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar se jkollu Executive Chairperson li, minbarra li ser ikollu poteri mogħtija speċifikament  lill-persuna li tkun qed taqdi dan ir-rwol, (minflok ma dawn il-poteri jingħataw lill-Awtorità) se jkun ukoll qed iservi ta’ pupazz f’idejn il-Ministru. Dan joħroġ ċar mill-proposta li l-Executive Chairperson “….jista’ jitneħħa mill-Ministru f’kull żmien għal kawża ġusta u għandha tkun kawża ġusta jekk il-Ministru jiddeċiedi li huwa ma jkunx laħaq il-miri u l-oġġettivi li jkunu tpoġġewlu mill-Ministru.” (Att dwar Ippjanar Sostenibbli u Żvilupp Art. 37(3)). Il-proposta li l-Ministru jkollu l-għażla li japprova jew jiċħad il-ħatriet ta’ diretturi fid-Direttorati tal-Awtorità tal-Ippjanar tpoġġi l-awtorità fuq l-istess livell ta’ segretarjat privat tal-Ministru, fejn ħatriet, kemm jekk importanti kif ukoll jekk le, jingħataw b’mod dirett. Fil-fatt ħatriet inqas importanti bħal segretarji ta’ kumitati ta’ konsulenza għall-bord tal-ippjanar, ukoll se jkunu maħtura mill-ministru. Bħal ma dejjem għamlet, il-KA se tibqa’ żżomm il-pożizzjoni tagħha kontra kull indħil ta’ dan it-tip.

    Il-KA tinnota b’dispjaċir li l-abbozz ta’ liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent u t-twaqqif ta’ awtorità relatata, huwa wieħed li ma jagħti l-ebda saħħa lill-Awtorità li suppost għandha tipprovdi protezzjoni akbar milli għandna llum, lill-ambjent naturali kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar. Il-Gvern tal-ġurnata għandu jara li l-ambjent naturali jintuża tajjeb għall-ġid komuni tal-ġenerazzjoni preżenti, mingħajr iżda, ma jikkomprometti l-interessi tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Għalhekk huwa għandu jħares tajjeb dan it-teżor nazzjonali, u għandu jagħmel minn kollox, speċjalment permezz tat-tfassil ta’ leġiżlazzjoni adattata, biex jiggarantixxi u mhux jimmina l-protezzjoni tiegħu.

    Sabiex l-Awtorità tal-Ambjent taqdi b’mod effettiv il-ġid komuni permezz tal-protezzjoni tal-ambjent, il-ħolqien ta’ żewġ awtoritajiet separati għall-ippjanar u għall-ambjent għandu jwassal biex bejn iż-żewġ awtoritajiet ikun hemm qsim (“co-sharing”) u ko-responsabbiltà iktar effettiva u inqas kożmetika fit-tfassil ta’ pjanijiet, policies u ordnijiet ta’ żvilupp, u fl-għoti ta’ permessi għall-bini. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-ambjent ibati żgur.

    Bil-mod kif qed jiġu proposti l-kompetenzi tal-membri tat-Tribunal għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-KA hija tal-opinjoni’ li s-sistema tal-ippjanar f’Malta se tkun dejjem iżjed trattata b’mod legalistiku minflok b’mod ħolistiku li jħares lejn żvilupp sostenibbli. Dan iħajjar lil min ikun jaf kif jilgħab bis-sistema, biex isib modi kif idur mal-liġi u jkompli bil-pjanijiet insostenibbli tiegħu.

    Il-KA sinċerament tittama li l-punti li qed tqajjem fir-reazzjoni tagħha għal dawn it-tliet abbozzi jwasslu għal analiżi serja tal-effett li se jkollhom, qabel ma ssir id-diskussjoni fi stadju ta’ kumitat fil-parlament. Il-KA tappoġġa bis-sħiħ kull sforz biex jiġu emendati l-abbozzi ta’ liġi, għall-ġid komuni u għat-tisħiħ tal-popolazzjoni tal-Gżejjer Maltin, permezz ta’ ħarsien aħjar tal-ambjent.
     

  • Agħfas hawn biex tniżżel id-dokument bis-sottomissjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, li ġew ippreżentati lill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).