• Riflessjonijiet dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

  • Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, il-Caritas, il-Kummissjoni Emigranti, iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja, il-Kummissjoni Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, jixtiequ jwasslu din ir-riflessjoni dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
     
    Id-dmir li nivvutaw
    1.         Bejn it-22 u l-25 ta’ Mejju li ġej, il-popli Ewropej li pajjiżhom hu membru tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-poplu Malti u Għawdxi, ser jiġu msejħa sabiex jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament Ewropew għall-ħames snin li ġejjin. Dan hu mument importanti fl-istorja tal-Unjoni Ewropea. Din ir-riflessjoni qiegħda ssir biex tgħinna nirriflettu fuq il-vot tagħna.
     
    2.         F’dawn l-aħħar xhur rajna mewġa ta’ nazzjonaliżmu estrem tqum f’diversi partijiet tal-Ewropa. Din il-mewġa tista’ tissarraf f’tensjonijiet bejn il-popli differenti speċjalment wara dak li għaddew minnu matul is-snin tal-kriżi ekonomika. Għaldaqstant ma nistgħux ma nfakkrux li l-proġett Ewropew hu l-ewwel u qabel kollox proġett ta’ paċi mibni fuq is-solidarjetà. Irridu nħarsu lejn l-istorja tal-Ewropa u nitgħallmu mill-iżbalji tal-passat.

    3.         Ir-responsabbiltà ta’ din is-solidarjetà trid tintrefa’ minn kulħadd, f’kull pajjiż membru. Għalhekk qed niġu msejħa sabiex permezz tal-vot tagħna nieħdu din ir-responsabbiltà fuq spallejna. Ma nistgħux nippretendu li jkun ħaddieħor li jerfa’ r-responsabbiltà tagħna.

    4.         In-natura tal-Parlament Ewropew tagħti lill-membri tagħha d-dmir u l-leġittimità li jirrapreżentaw l-interessi tal-kostitwenti tagħhom u taċ-ċittadini tal-istati membri f’daqqa. Din il-leġittimità tiddependi bil-kbir fuq id-dmir morali taċ-ċittadini kollha li jagħtu sehemhom f’dawn l-elezzjonijiet permezz tal-vot tagħhom, u billi jżommu ruħhom infurmati dwar il-proposti u l-manifesti elettorali ta’ gruppi politiċi u kandidati individwali. Kemm il-votanti kif ukoll il-kandidati għandhom ifittxu li jeżerċitaw id-dritt u d-dmir tagħhom b’modi li jwasslu għall-ħelsien, il-ġustizzja u s-solidarjetà.

    5.         Hekk kif tibda toqrob l-elezzjoni u forsi l-irjus jibdew jisħnu wkoll, irridu nissuġġerixxu li d-diskors politiku jibqa’ wieħed serju u meqjus.  Fuq kollox, ir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna  jibqa’ valur ogħla minn kull messaġġ politiku.
     
    Il-ġid komuni
    1.         Fil-qalba tat-tagħlim soċjali tal-Knisja nsibu l-bniedem. Il-Kotba Mqaddsa jgħallmuna li kull persuna hi maħluqa fix-xbieha  ta’ Alla. Il-messaġġ tal-Vanġelu hu ċar daqs il-kristall. Irridu nħobbu lil għajrna bħalna nfusna, speċjalment il-batut. Il-membri eletti f’isimna jridu jaraw li permezz tad-deċiżjonijiet li jieħdu jgħinu l-aktar lil min hu batut fis-soċjetà tagħna, min iħossu mwarrab, min għandu bżonn l-akbar għajnuna. Meta ngħinu lil min hu batut, inkunu qed ngħinu lill-Mulej innifsu.

    2.         Ir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna trid tkun il-bażi li fuqha tinbena kull politika soċjo-ekonomika u tirrifletti dan il-prinċipju. Il-ħajja għandha tiġi protetta mill-bidu nett sal-mument fejn il-bniedem itemm il-ħajja f’din id-dinja b’mod naturali. Kull stat membru għandu jibqa’ jgawdi awtonomija sħiħa fuq leġislazzjoni li tirrigwarda din il-materja.

    Il-familja, il-post fejn il-persuna tiġi ffurmata waqt li titgħallem tgħix fis-soċjetà, għandha dejjem tiġi protetta. It-tfal, it-tama tal-ġejjieni tagħna, għandhom jiġu mħarsa mir-riskju tal-faqar. Illum fl-Unjoni Ewropea, 19% tat-tfal jgħixu f’riskju ta’ faqar.

    3.         F’dinja aktar globalizzata u fil-kuntest tal-Parlament Ewropew, it-terminu “ġid komuni” jieħu sinifikat aktar wiesa’. Għalhekk, il-prinċipju tas-solidarjetà jrid jissarraf f’azzjoni konkreta bejn l-istati membri u kif ukoll lil hinn mill-pajjiżi membri. Il-Parlamentari Ewropej għandhom jaraw li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni verament iħaddmu dan il-prinċipju u kif ukoll iħeġġu li l-Unjoni tesiġi li kull pajjiż membru iwettaq dmiru lejn dawk il-pajjiżi foqra fin-nofsinhar tad-dinja. Il-bżonnijiet bażiċi f’xi wħud minn dawn il-pajjiżi għadhom nieqsa, minkejja li saru ħafna wegħdiet fil-bidu tal-millenju.

    4.         Aħna nagħrfu li l-ħarsien tal-ambjent naturali huwa obbligu li joħroġ mill-fatt li dan huwa parti importanti mill-ġid komuni tal-umanità. Dan ukoll hu responsabbiltà ta’ kulħadd. Illum nifhmu li l-ambjent naturali mhux qiegħed hemm biex jaqdi l-bżonnijiet egoistiċi tagħna, iżda aħna għandna dmir speċifiku li nadottaw stil ta’ ħajja sostenibbli biex jibqa’ dejjem ikun hawn ġid biżżejjed għal kuħadd. Għalhekk għandna bżonn rappreżentanti li jagħrfu dan u jpoġġu fuq quddiem nett il-ħarsien tal-ambjent, mhux  bil-kliem biss imma bil-fatti! Hemm bżonn li l-ibħra madwar il-kontinent Ewropew jibqgħu jiġu mħarsa mit-tniġġis u mis-sajd esaġerat.  Irridu  naraw li kull ħlejqa, hu x’inhu d-daqs tagħha, tiġi rispettata għal dak li hi.  Barra minn dan, il-miri tat-tnaqqis tas-CO2 iridu jiġu milħuqa minn kull pajjiż u  nifhmu aktar l-effetti tal-bidla fil-klima fuq is-soċjetà tagħna.

    5.         L-Ewropa għandha rabta mill-qrib mal-migrazzjoni. Kienu ħafna l-popli li telqu mill-Ewropa u oħrajn li ġew: kollha b’għan wieħed li jfittxu ħajja aħjar. Ħafna minna għandhom esperjenza personali tal-emigrazzjoni. L-Unjoni Ewropea għandha fruntiera komuni. Għalhekk ir-responsabilià tal-persuni li jfittxu l-kenn għandha tinqasam b’mod proporzjonali bejn il-pajjiżi membri kollha. Għaldaqstant huwa essenzjali li meta dawn il-persuni jidħlu fl-Ewropa jiġu trattati bl-akbar rispett b’mod li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati dejjem u f’kull ħin. Kulħadd għandu jagħmel ħiltu sabiex dawn il-persuni jiġu integrati fis-soċjetajiet tagħna. Fl-istess ħin, tajjeb ukoll li ssir pressjoni sabiex din il-problema tiġi ttrattata mill-għeruq fuq livell diplomatiku ħalli ċ-ċirkustanzi fil-pajjiżi mnejn jitilqu dawn in-nies jitjiebu b’mod li ma jibqgħux iħossu l-ħtieġa li jħallu lil pajjiżhom

    6.         Aspett ieħor tal-ġid komuni hi l-libertà reliġjuża. Kull persuna għandu jkollha l-ispazju sabiex tgħix it-twemmin tagħha u tesprimih fil-pubbliku. Il-parlament il-ġdid għandu jkompli jaħdem fuq dan il-qasam ukoll.

    7.         Qed inħeġġu l-Parlament Ewropew ikompli fil-ġlieda kontra x-xogħol prekarju u r-rispett għad-drittijiet sħaħ tal-ħaddiema, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli. In-numru ta’ persuni bla xogħol fl-Unjoni Ewropea huwa wieħed tal-mistħija. Huwa stmat li mas-26 miljun persuna huma bla xogħol fl-Unjoni Ewropeja. Hemm bżonn li kulħadd jagħraf li d-dinjità tal-bniedem għandha tiġi qabel il-qliegħ!
     
    Konklużjoni
    Filwaqt li nagħrfu li l-Unjoni Ewropea għaddejja minn maltempata ekonomika kbira fejn xi wħud staqsew u għadhom isaqsu u jtennu, jekk din l-Unjoni tagħmilx sens u jekk hemmx bżonnha, aħna nixtiequ nwasslu l-messaġġ, li iva, l-Unjoni Ewropea hemm bżonnha! Anzi l-prinċipji tas-solidarjetà, tas-sussidjarjetà u l-moviment ħieles tal-persuni u s-suq għandhom ikomplu jissaħħu għax b’hekk  biss ikollna l-paċi u l-ġustizzja. L-Ewropa sofriet wisq minħabba l-egoiżmu ta’ xi wħud. Aħna, bħala ċittadini, hemm bżonn li nħarsu sew dawk il-kisbiet li saru, għalina u għall-ġenerazzjonijet tal-ġejjieni. Għalhekk huwa importanti li mmorru nivvutaw f’Mejju li ġej.