Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Jannar saret it-tnedija ta’ Il-ktieb ta’ San Ġużepp: ġabra ta’ studji, fejn l-Arċisqof Charles Scicluna kien ippreżentat l-ewwel kopja tiegħu mill-editur Andrew Borg. Dan il-ktieb voluminuż hu riżultat ta’ snin ta’ kitba u riċerka minn grupp ta’ 21 persuna fosthom monsinjuri, kanonċi, reliġjużi u lajċi, li ħadmu flimkien ma’ Borg fuq dan il-qaddis li l-Iskrittura Mqaddsa titkellem ftit dwaru, iżda li skont l-editur innifsu kien figura ċentrali fil-Pjan ta’ Salvazzjoni tal-Bniedem, billi hu kien ir-raġel ta’ dik li ġabet fid-dinja lill-Iben il-Waħdieni ta’ Alla. Dan il-proġett ta’ studju sar fl-okkażjoni tal-150 sena minn meta l-Beatu Papa Piju IX ipproklama lil San Ġużepp, Patrun tal-Knisja Universali nhar it-8 ta’ Diċembru 1870.

It-tim ta’ riċerkaturi u kittieba, minbarra l-editur, huma: Dr Joseph Ciappara, Dr Pauline Dimech, Joseph Abdilla, Dr Natalino Camilleri, Anthony Casha, Patri Martin Micallef OFM Cap., Patri Noel Muscat OFM, Patri Victor Paul Farrugia O.Carm, Patri Chris Caruana OP, Patri Anton Farrugia OFM, Patri Charlo Camilleri O.Carm, Patri Marcello Ghirlando OFM, Mons. Lawrenz Sciberras, Mons. Hector Scerri, Dun Jonathan Farrugia, Dun Krystof Buttiġieġ, Dun Brendan M. Gatt, Dun Jesmond Manicaro, u l-mibki Dun Nicholas Cachia, li laħaq bagħat il-kontribuzzjoni ftit ġimgħat qabel ma miet.

L-editur Andrew Borg

Il-ktieb jinkludi sett ritratti ta’ artali dedikati lil San Ġużepp u sett ieħor li juru għadd ta’ vari titulari, proċessjonali u statwi ta’ San Ġużepp li għandna meqjuma fil-knejjes tagħna. Ir-ritratti ttieħdu minn Mark Micallef Perconte, il-fotografu tas-sensiela enċiklopedika Ilwien il-Festi Maltin.

Din il-pubblikazzjoni tgħodd aktar minn 800 paġna u li hi kompluta b’biblijografija dwar it-temi diskussi kif ukoll indiċi analittiku. Fid-daħla tal-ktieb, l-Arċisqof jgħid li l-pubblikazzjoni tista’ tintuża “għar-riflessjoni, għar-riċerka u għall-istudju tiegħu” u min jagħmel dan “għandu joħroġ edifikat u msaħħaħ fil-fidi tiegħu f’Alla l-imbierek.”


Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nixtieq nirringrazzja lill-awturi ta’ dan il-ktieb. Ħerqan li nara x-xogħol tagħkom. Perswaz li hu xogħol ta’ livell, u li jgħin biex ir-riflessjoni tagħna bħala Knisja fuq San Ġużepp, tkun dejjem riflessjoni b’għeruq sodi, marbuta mat-tradizzjonijiet tal-Knisja, u allura bil-frott fl-ispirtu; ’il bogħod mill-frugħa, ’il bogħod mix-xinxilli żejda. Persważ li dan se jkun għall-qalb għażiża ta’ San Ġużepp.

Nirringrazzjaw lil Alla, li l-Papa Franġisku, fl-ittra Appostolika tiegħu Patris Corde, tana spunti straordinarji ta’ riflessjoni fuq San Ġużepp. Imma hemm maġisteru kbir, hemm tant tagħlim tal-Knisja, ir-riflessjonijiet tal-Patris, imma fuq kollox l-Iskrittura li tippreżentalna dan il-bniedem, li ma jitkellimx, imma joħlom u jobdi. Timpressjonani ħafna d-deċiżjoni tiegħu, qabel kull ħolma u kull messaġġ mill-Mulej, li jiddefendi lill-omm u t-tifel. Dan l-istint li jibgħatha bil-moħbi tan-nies, isalva u jsalva lill-bniedem. Il-ġustizzja tiegħu hi ġustizzja mhux spinta mill-messaġġ, li mbagħad jasallu: “xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija” (Mt 1:20). Imma ġejja minn ġustizzja konkreta.

L-editur jirringrazzja lill-kontributuri tal-ktieb

San Ġużepp jgħallimna l-vera umanità, li ma twaddabx ġebel, imma tindokra d-dinjità ta’ kull persuna, l-iżjed fis-sitwazzjonijiet ibsin u diffiċli. Kemm għandna x’nitgħallmu minn dar-raġel, li kif jgħid il-Papa, il-ħolm jiġi jippreżentalu ħafna inkwiet: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu” (Mt 2:13). Imma kif se jrabbi l-familja tiegħu? Kif se jindukraha? Il-Papa Franġisku jgħidilna, Alla ma qagħadx joqgħod jagħmel miraklu kontinwu, afda f’idejn San Ġużepp. Bħalma ħafna drabi jafda f’idejna, biex inkomplu l-missjoni tiegħu. Allura f’San Ġużepp nifhmu wkoll, kemm Alla jafda u jirriskja għax il-fiduċja tiegħu tagħtina l-qawwa, tagħtina wkoll is-serenità, li waqt li qed nobdu, qegħdin nagħmlu xi ħaġa kbira.

Nixtieq nirringrazzja lil Alla ta’ din l-inizjattiva; anke għax inħoss u għalhekk Andrew, niftakar li nkuraġġejtek f’dan il-proġett, għax inti ppublikajt fuq San Ġużepp. Infatti, inti l-vera devozzjoni, kważi folkloristika, mhux biss rajtha imma ppreżentajtha b’mod attraenti u  divulgattiv. Hemm bżonn ukoll li nitgħallmu nibnu fuq is-sod. Meta nitkellmu fuq il-qaddisin, meta nippritkaw, meta nedukaw u niffurmaw in-nies. Allura dan, li hu kontribut għat-teoloġija bil-Malti, jalla jkun ta’ eżempju. Ma tantx għandna teoloġija bil-Malti u hu importanti wkoll li nkunu miftuħin għal-lingwi oħrajn, għax ma jistax ikun li nibqgħu konfinati u marbutin biss mal-kultura tagħna, imma rridu wkoll nikkontribwixxu l-kuntatti tal-formazzjoni, tar-riflessjoni, u tal-qari tagħna. U nibnu corpus tat-teoloġija bil-Malti, bħalma pprova jagħmel San Ġorġ Preca, f’diversi oqsma: dogmali, morali, mistika, kummentarji tal-Iskrittura. Hemmhekk ngħinu verament is-sinsla tal-kultura Nisranija tal-Knisja u tal-formazzjoni tal-umanità.

Andrew, jalla San Ġużepp ibierek lilek u lill-kollaboraturi kollha tiegħek. Nixtieq ngħid ukoll grazzi lill-isponsors u lill-Fondazzjoni tal-Istudji Teoloġiċi. Ippermettuli ngħid grazzi partikolari lill-APS, li beda bħala ‘Apostleship of Prayer’, u jaf ukoll lil San Ġużepp bħala ispirazzjoni tal-bidu umli tiegħu; u bil-ħidma ta’ ħafna, mhux lanqas ta’ Marcel Cassar li nixtieq nirringrazzjah pubblikament tax-xogħol li qegħdin tagħmlu. Il-bank hu preżenza ta’ integrità, ethos u valuri tajbin. Kemm jogħġobni l-islogan ‘values you can bank on’. Immaġina l-Mulej meta ħares lejn San Ġużepp u qal: He has values that I can bank on, ukoll.

Alla ma qagħadx joqgħod jagħmel miraklu kontinwu, afda f’idejn San Ġużepp. Bħalma ħafna drabi jafda f’idejna, biex inkomplu l-missjoni tiegħu

Issa meta San Ġużepp ġie biex joffri l-offerta fit-tempju, anqas ħaruf ma kellu; kellu żewġ bċieċen. Kienet offerta tal-fqar, imma kien qed jippreżenta lill-“Ħaruf ta’Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1:29). Kellu din il-missjoni fil-faqar tiegħu u fix-xogħol li kien jagħtih il-ħobżna ta’ kuljum lilu, lil Marija u lil Ġesù; proprju kellu f’idejh lis-Salvatur. Jalla lkoll kemm aħna fil-qasam tar-responsabbiltà tagħna, nitgħallmu minn San Ġużepp, nagħmlu d-dover tagħna, mingħajr ħafna daqq tat-trombi li hi xi ħaġa importanti għalija.

Dan ix-xogħol li sar se jibqa’, u se jkun ukoll monument għax-xogħol tagħkom, li nirringrazzjakom ħafna. Se jkun kontribut ukoll biex l-għarfien tagħna ta’ San Ġużepp ikun dejjem profond u akbar. Grazzi ħafna u awguri mill-ġdid.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Aktar ritratti >>