Id-dar tal-anzjani Holy Family Home li tinsab biswit it-Trade Fair Grounds fin-Naxxar se tagħlaq il-bibien tagħha s-sena d-dieħla. L-anzjani kollha, 75 b’kollox, ġew infurmati f’dawn il-jiem li ser jiġu rilokati fi djar oħra mingħajr ebda spejjeż għalihom. Il-ħaddiema, li jgħoddu madwar 60, ser ikunu qed jingħataw impjieg alternattiv.  

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal lil Newsbook.com.mt li s-sena d-dieħla d-djoċesi se tirritorna d-dar lura lill-Ġiżwiti u wara ser tingħalaq.  

Spjega li matul is-snin l-Knisja investiet sostanzjalment f’din id-dar tal-anzjani, iżda xorta mhux ser ikun possibbli li jsiru x-xogħlijiet kollha meħtieġa f’din il-binja antika biex id-dar tilħaq l-istandads mitlubha llum. Għalhekk, qal Pace Ross, meta wieħed iqis ukoll in-numru ta’ djar tal-anzjani li hawn, li ħafna minnhom huma binijiet aktar moderni li joffru ambjent isbaħ, ġie deċiż li jkun fl-aħjar interess tal-anzjani li dawn jiġu rilokati fi djar tal-anzjani oħra.

Holy Family Home bdiet topera bħala dar tal-anzjani fl-1972, u kienet immexxija mil-Little Sisters of the Poor. Fl-1993 bdiet titmexxa mill-Azzjoni Kattolika u fl-2015 it-tmexxija tad-dar għaddiet f’idejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta. 

Sors: Newsbook.com.mt