Nhar is-Sibt, 29 ta’ Mejju, 2010, is-Segretarjat Ħajja u Ħidma fil-Parroċċa flimkien mal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. organizzaw Seminar ta’ Formazzjoni għall-Moderaturi tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali tas-sebgħin Parroċċa f’Malta kif ukoll għall-Moderaturi tal-Unitajiet Parrokkjali.  Dan is-Seminar sar fir-residenza tal-Arċisqof, Ħ’Attard.

Matul din is-sena, dan is-Segretarjat qed jitfa’ l-attenzjoni tiegħu b’mod partikulari fuq il-ħidma tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, kif ukoll fuq ir-rwol importanti li għandu kull Moderatur fil-ħidma pastorali tal-Parroċċa.

Fl-ewwel parti tas-Seminar saru żewġ preżentazzjonijiet fuq ir-Rwol tal-Moderatur u l-ħidma li ssir fil-laqgħat tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali biex dawn ikunu aktar effettivi.  Fit-tieni parti dawk kollha preżenti kellhom l-opportunita’ li jiltaqgħu mal-Arċisqof b’mod personali fil-gruppi ta’ diskussjoni mmexxija mill-Membri tal-Kunsill Segretarjat tal-Parroċċi. Dan bil-għan li jinħoloq aktar kuntatt bejn is-Segretarjat u l-Moderaturi. Dan kien bidu biex tkompli tissaħħaħ l-għaqda bejn is-Segretarjat, il-Moderaturi u l-Paroċċi.

Fi tmiem is-seminar, l-Arċisqof ħeġġeġ lil kulħadd biex iħossu parti ntegrali u attiva fil-Knisja.

Dan kien l-ewwel Seminar li ġie organizzat minn dan is-Segretarjat taħt ir-responsabbilita’ tad-Delegat Fr Ray Toledo.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.