Messaġġ mill-Arċisqof

Hija xi ħaġa sabiħa ħafna li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta qiegħda toffri din il‑proprjetà lill‑Hospice. Bdiet b’inizjattiva ta’ mara lajka (Adelaide Cini) li kienet profeta ta’ servizz soċjali li kien neċessarju fi żmienha, u issa qed tiġi afdata lil lajċi esperti biex nirrispondu għal sitwazzjoni attwali.

Servizz għall‑poplu Malti u servizz għad‑dinjità tal‑bniedem. Il‑Hospice għandhom bżonn mhux biss l‑appoġġ imma l‑ammirazzjoni tagħna wkoll għal dak kollu li jagħmlu bis‑servizzi li joffru fil‑komunità u issa wkoll bl‑offerta ta’ servizz u esperjenza residenzjali li mhux biss fid‑djar, imma anke f’dan l‑ambjent, li nawguraw li jkun ambjent sabiħ. Il‑binja stess għandha ġnien imdaqqas li nawguraw li jkun oasi ta’ paċi u serħan kemm għal min għandu bżonn kura paljattiva kif ukoll għall‑qraba tagħhom.

Jiena nixtieq nirringazzja lil‑lajċi kollha involuti u lill‑esperti, lil Hospice, għaliex huma, bħalma kienet Adelaide Cini, qegħdin jirrispondu għall‑esiġenza fondamentali: qegħdin jipparteċipaw fil‑promozzjoni għall‑kultura tal‑ħajja li hija affaċċjata minn dilemmi kbar u minn sfidi kbar, imma taf ukoll tgħix il‑primat ta’ Alla fuq il‑ħajja tal‑bniedem.

Jolqotni l‑fatt li l‑Hospice għażlet lil San Mikiel bħala patrun u li dan l‑ambjent ser ikun imsemmi għall‑arkanġlu San Mikiel li ismu jgħidilna: ‘Min hu bħal Alla?’ Int min int, aħna min aħna, ma nistgħux ninsew il‑primat ta’ Alla fil‑ħolqien u f’ħajjitna. Aħna nafu li ħajjitna hija don ta’ Alla u għalkemm it‑teknoloġija avvanzat, xorta jibqgħu dilemmi li l‑fidi u fl‑istess ħin is‑solidarjetà ta’ bejnietna jafu jagħtu risposti fondamentali.

Nifhem ukoll li l‑Hospice ma tħarisx lejn id‑denominazzjoni ta’ dak li jkun; tħares biss lejn il‑persuna umana li għandha bżonn partikolari. U din hija xi ħaġa li hija wkoll għal qalb il‑Papa Franġisku: li meta aħna nħarsu u niltaqgħu ma’ persuna fil‑bżonn ma nitolbux il-karta tal-identità imma nifhmu li hemm umanità radikali li tassoċċjana u tagħmilna familja waħda u li quddiem il‑bżonn aħna lkoll bnedmin, ikoll aħwa.

Jiena nawgura li l‑poplu Malti u Għawdxi jifhem il‑bżonn ta’ dan is‑servizz; jifhem ukoll li għalkemm l‑Arċidjoċesi qed toffri proprjetà ta’ €8 miljun, hemm bżonn miljuni oħrajn li l‑Hospice u l‑poplu Malti jridu jipprovdu biex anke s‑servizz ikun “tal‑aqwa kwalità”, sostnut mill‑ġenerożità tal‑poplu Malti. Jien nawgura u nitlob li ma tkun qatt nieqsa.

Nagħtikom il‑barka tiegħi u nawguralkom f’din l‑avventura l‑ġdida, fl‑esperjenza sabiħa ta’ hospice fil‑gżejjer tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta