Missio Malta, flimkien ma’ Mosta Scout Group għal darb’oħra qed jistiednu membri tal-pubbliku sabiex jilqgħu l-isfida ta’ adrenalina, fl-avveniment annwali ta’ Abseiling u Zipline li ser isir fuq il-Pont tal-Mosta għada s-Sibt u pitgħada l-Ħadd.

L-attività, li tinsab fil-11-il edizzjoni tagħha, ser jinġabru fondi għall-Missjonijiet Maltin fl-Etjopja.

“Missio Malta hija grata li Mosta Scout Group għal darboħra offriet li torganizza din l-attività ferm popolari b’risq il-proġetti ta’ Missio f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fil-11-il sena li ilha tiġi organizzata, din l-attività, kibret fil-popolarità tagħha, hekk kif il-pubbliku ikkonkorra bi ħġaru. Aħna kunfidenti li din is-sena mhux ser tkun eċċezzjoni, u ser nerġgħu niġbru iktar fondi sabiex ngħinu persuni fil-bżonn fl-Etjopja u postijiet oħrajn,” qal Robert Farrugia Kap tal-Komunikazzjonui u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta.  

Il-fondi li ser jinġabru waqt din l-attività ser imorru favur l-iżvilupp ta’ Vocational Training Centre f’Meki kif ukoll razzett tal-mogħoż f’Emdibir, l-Etjopja, fost proġetti oħra. 

Persuni interessati li jiħdu sehem f’din l-attivita huma mistiedna jirreġistraw fuq www.mostascouts.org/bookings

L-attivitajiet sportivi kollha li ser iseħħu għada u l-Ħadd ser ikunu mmexxija minn persuni kkwalifikati mill-Mosta Scout Group, u ser ikunu koperti b’polza tal-assigurazzjoni.

Formuli ta’ kunsens, li huma disponibbli online, kif ukoll f’forma stampata fuq il-post, huma meħtieġa għall-parteċipazzjoni. F’każ ta’ minuri, dawn iridu jimtlew minn qabel.