L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ir-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù” (Ġw 4:50). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skond San Ġwann fuq dan l-uffiċċjal tas-sultan li ġie jfittex lil Ġesù biex jgħidlu ħa jmur ifejjaq lil ibnu, għax ibnu kien ħażin ħafna. Nafu li lil Ġesù għamillu talba ħerqana: “Inżel, Mulej, qabel ma jmutli t-tifel” (Ġw 4:49). Hija verament talba li ġejja mill-qalb. U nafu li Ġesù ma marx, imma qallu: “Mur, ibnek ħaj” (Ġw 4:50). Ma marx id-dar tiegħu, imma b’kelma serraħlu moħħu li ibnu se jgħix. U l-Evanġelju jgħid li r-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù, u telaq.

Hemm ċertu kuntrast bejn dan ir-rakkont u rakkont ieħor jixbħu ħafna li nsibu f’post ieħor fl-Evanġelju fejn hemm ċenturjun li jitlob lil Ġesù biex ifejjaqlu il-qaddej tiegħu. F’dak ir-rakkont, Ġesù jgħidlu: “niġi jien infejqu” (Mt 8:7). U ċ-ċenturjun jgħidlu: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int ordna biss b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq” (Mt 8:8).  Fil-fatt, Ġesù ma marx dakinhar fid-dar taċ-ċenturjun, fejn kellu dal-qaddej, imma b’kelma fejqu. Hawnhekk dar-raġel ried li Ġesù jmur. Ma qallux: tiġix, ma jistħoqqlix. Riedu jmur ifejjaq lil ibnu. Imma Ġesù wkoll hawnhekk qallu kelma, u kienet biżżejjed.

Li jgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ rakkonti hi proprju l-fidi f’Ġesù. Għaliex iċ-ċenturjun kellu fidi kbira f’Ġesù, u Ġesù faħħarha; u hawn l-Evanġelju jgħid li dal-bniedem “emmen fil-kelma li qallu Ġesù u telaq”. Ma qalx: kellimtu, imma mhux ġej, inutli; imbagħad naraw! Imma emmen. U fil-fatt, ftit wara, ra kemm il-kelma ta’ Ġesù kienet kelma qawwija. Għaliex l-Evanġelju jgħid li hu u sejjer, jiltaqa’ mal-qaddejja tiegħu, u jgħidulu “Ibnek ħaj!” (Ġw 4:51). U ra l-ħin meta beda jaqleb għall-aħjar, u kien proprju fil-mument li Ġesù qallu l-istess kliem li qalulu l-qaddejja – “Ibnek ħaj” – jiġifieri aċċertah li se jgħix. Għalhekk il-fidi ta’ dan ir-raġel li mbagħad ra kemm kienet tassew ta’ siwi.

F’dan l-Evanġelju naraw lil Ġesù jagħmel it-tieni sinjal mis-sinjali l-oħra li naraw fl-Evanġelju skond San Ġwann – hemm seba’ b’kollox. San Ġwann, dawn il-mirakli jsejħilhom “sinjali”.  Naraw fihom il-qawwa tal-kelma ta’ Ġesù, li hija kelma li sseħħ. U naraw ukoll il-valur kbir tal-fidi. Il-messaġġ li jagħtina l-Evanġelju hu biex aħna nemmnu fil-kelma ta’ Ġesù, inqiegħdu l-fiduċja tagħna fil-kelma tiegħu, għax il-kelma tiegħu hija dejjem kelma qawwija. Niftakru x’kien qal Ġesù aktar tard, wara lil qam mill-mewt; lil Tumas kien qallu: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). U dar-raġel fl-Evanġelju hekk kien, fil-fatt. Ma rax lil ibnu qed ifiq. Emmen il-kelma, imbagħad wara ra kemm kienet vera. Din hija kelma għalina wkoll biex aħna nemmnu bil-qawwa fil-kelma ta’ Ġesù li narawha sseħħ fil-ħajja tagħna, jekk aħna jkollna qalbna miftuħa għal din il-preżenza tal-Mulej.

Nixtieqkom tinnutaw ukoll meta San Ġwann jitkellem fuq is-sinjali tal-preżenza tal-Mulej, li hi preżenza qawwija li ġġib bidla, preżenza sabiħa. Kemm għandna sinjali f’ħajjitna li juruna lill-Mulej jekk aħna niftħu għajnejna! Ħu, per eżempju, it-twelid ta’ tarbija. It-tarbija, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, meta diġà hija ħajja, hemm ħajja umana, tkompli tifforma ruħha bil-mod il-mod – din il-kostituzzjoni tat-tarbija, ta’ din il-ħajja umana li qed issir bil-mod il-mod. Miraklu dan, sinjal tal-preżenza tal-Mulej. Ħu, per eżempju, il-ħolqien, meta tara l-fjuri, il-ħxejjex, l-annimali. Sinjal tal-preżenza tal-Mulej. Dawn is-sinjali minna jitolbu rispett u għożża, mhux li b’xi mod jew ieħor neqirduhom!

Nitolbu lill-Mulej isaħħaħ fina l-fidi u jgħinna biex tassew ikollna apprezzament u għożża għas-sinjali tal-preżenza tiegħu f’ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju