L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tfixklu minħabba fih”(Mt 13:57) . Dan hu li naqraw fl-Evanġelju llum skont San Mattew, dwar in-nies li semgħu lil Ġesù fis-sinagoga. Mal-ewwel tolqotna dil-kelma, għax kif tista’ titfixkel minħabba Ġesù?

Li kieku Ġesù kien qed jitkellem u jgħidilhom xi tagħlim li kien kontra dak li kienu jemmnu, tifhem li jitfixklu. Kieku Ġesù kien qed jitkellem b’lingwa li ma jifhmuhiex, jew xi ħaġa astratta, tifhem li jitfixklu. Kieku Ġesù kien qed jgħid ħaġa, u mbagħad jafu li jagħmel ħaġ’oħra fil-ħajja tiegħu, tifhem li jitfixklu. Imma ma kien hemm xejn minn dan!

Anzi l-Evanġelju jgħid li dawn semgħu l-kliem tiegħu u qalu: kemm hu kliem kollu għerf! U raw “il-qawwa tal-għaġeb” (Mt 13:54) tiegħu. U tfixklu fil-ġid. Tfixklu għaliex dawn bdew jisimgħu lil Ġesù, jgħidu kemm kliemu hu kollu għerf u jaraw il-qawwa tiegħu, u fl-istess waqt jgħidu: imma dan nafuh, dan ta’ ħajja ordinarja! Missieru mastrudaxxa, ommu Marija, nafuha, ħutu wkoll. It-tfixkil kien minħabba li dawn f’moħhom kellhom dan il-preġudizzju: li jekk dan ġej minn dil-familja, ma tista’ tistenna xejn speċjali; jew jekk ġej minn dan ir-raħal, dal-post, ma tista’ tistenna xejn partikulari. Għalhekk tfixklu minħabba l-preġudizzju tagħhom, mhux minħabba xi ħaġa li kien jew li għamel Ġesù. 

Dan ma narawhx  hawn biss, imma naraw ukoll fost il-kittieba u l-Fariżej, u nies qrib tagħhom, li minħabba l-preġudizzju tagħhom kienu għalqu qalbhom għal dak li jgħid Ġesù, dak li jagħmel Ġesù; u f’das-sens kien ifixkilhom – minħabba l-preġudizzju tagħhom. Kienu qishom dak li semma Ġesù ftit qabel, fl-Evanġelju skont San Mattew, meta semma l-parabbola taż-żerriegħa, kienu qishom l-art li hi jew mogħdija, jew art kollha blata, jew qalb ix-xewk – fejn iż-żerriegħa tal-kelma tinżel u ma tistax tagħmel frott. Hekk kienet il-qalb tagħhom: ma tistax taċċettah.

Dan l-Evanġelju lilna jagħtina messaġġ sabiħ għall-ħajja tagħna. Ifakkarna li ma għandniex għalfejn nitfixklu b’Ġesù. Ġesù dejjem jagħmel il-ġid, dejjem irid it-tajjeb għalina. Ma għandniex għalfejn nitfixklu “minħabba fih”. Jekk nitfixklu, tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: għaliex? Hemm xi ħaġa fil-qalb tagħna li mhijiex qed taċċettah? Fl-istess waqt, jagħtina messaġġ importanti għalina bħala dixxipli ta’ Ġesù. Bħala dixxipli, aħna rridu noqogħdu attenti li verament nagħtu xhieda tiegħu; li ma nfixklux lin-nies minħabba l-imġiba tagħna, minħabba l-kelma tagħna, jew għax jaraw differenza bejn dak li ngħidu u dak li nagħmlu. Hemmhekk ikun tort tagħna jekk in-nies jitfixklu. Imma jekk aħna nagħtu xhieda tal-valuri tal-Evanġelju anke f’ambjent indifferenti jew ostili, hemmhekk ma jkunx tort tagħna jekk in-nies jitfixklu, għax inkunu qed nagħmlu bħalma għamel Ġesù: li nimxu ma’ dak li hu sewwa.  

Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna dejjem niftakru li hu jagħmlilna l-ġid, qatt ma għandna nitfixklu minħabba fih. Nitolbuh biex nilqgħuh f’qalbna ħalli tassew jista’ jagħmel il-ġid lilna fil-ħajja tagħna; u nitolbuh li aħna bil-kelma tagħna, bl-imġiba tagħna, qatt ma nfixklu lin-nies imma anzi ngħinuhom biex jersqu aktar lejh, u fih isibu tassew “it-Triq, il-Verità u l-Ħajja (Ġw 14:6).

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju