L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Naħseb ilkoll narawha stramba kif Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex “ma jgħidu lil ħadd b’dan” (Lq 9:21). Pietru kien għadu kif qallu “Inti l-Messija ta’ Alla” (Lq 9:20), u Ġesù jgħid lilu u lid-dixxipli, anzi “ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan”. Għaliex?

Iktar u iktar narawha stramba meta Pietru qal ir-risposta t-tajba: “Inti l-Messija ta’ Alla”. In-nies l-oħrajn kellhom ideat differenti fuq min kien Ġesù – Ġwanni l-Battista, Elija, jew wieħed mill-profeti tal-imgħoddi. Kollha żbaljati, għalkemm kollha kienu qed jaraw xi ħaġa speċjali f’Ġesù. Imma Pietru qal ir-risposta t-tajba. Allura, la qal hekk, għaliex Ġesù “ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan”?

Nifhmu x’għamel Ġesù u r-raġuni għaliex meta naraw ir-risposta ta’ Pietru “Inti l-Messija ta’ Alla”. Kienet risposta tajba,  imma fil-fatt x’kienu qed jifhmu Pietru u d-dixxipli b’Messija? U x’kienu qed jifhmu n-nies meta inti tgħid Messija? Kellhom idea differenti ħafna minn ta’ Ġesù, għax għalihom il-Messija kien xi ħadd li jiġi b’qawwa, li jkun jidher rebbieħ, u jkollu n-nies taħtu – differenti ħafna mit-tip ta’ Messija li kien Ġesù.

Għalhekk Ġesù ried li huma ma jgħidux min hu l-Messija jekk ikollhom idea żbaljata ta’ Messija. U nafu kemm kien hekk fil-fatt, kemm kienet idea żbaljata, meta Ġesù qalilhom: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum”. Jiġifieri qed jgħidilhom: il-Messija se jkollu jbati, se jkollu jsofri, biex jasal imbagħad għall-qawmien. Toħroġ ħafna kemm id-dixxipli ma fehmux dan jekk naraw l-Evanġelju skont Sant Mattew, meta għandna l-istess mistoqsija ta’ Ġesù u t-tweġiba ta’ Pietru  “Int l-Messija l-Iben ta’ Alla l-ħaj”; meta Ġesù jgħidilhom li se jsofri, se jgħaddi mit-tbatija kollha, Pietru jibda jlumu u jgħidlu: “Allahares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” (Mt 16:22) X’kienet ir-reazzjoni ta’ Ġesù? Qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija…” (Mt 16:23) Araw kemm Pietru u d-dixxipli kellhom idea oħra ta’ Messija; kif Ġesù semma s-sofferenza, Pietru ried li lanqas isemmiha, lanqas jitkellem fuqha.

Għalhekk Ġesù riedhom ma jgħidu lil ħadd, għax kemm id-dixxipli kif ukoll in-nies kellhom idea differenti ħafna ta’ min hu l-Messija. Ara iktar ’il quddiem, meta Ġesù jgħaddi mill-passjoni, il-mewt u l-qawmien, u fl-aħħar jitkellem mad-dixxipli qabel ma jitla’ s-sema, jgħidilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Hawnhekk illum “tgħidu lil ħadd b’dan”, u hemmhekk “għidu lil kulħadd b’dan”. “Xandru l-Bxara t-Tajba” għax Ġesù kien għadda mill-passjoni u l-mewt u l-qawmien, u issa jinsab glorjuż. Fil-fatt, lilna ma jgħidilniex żgur “tgħidu lil ħadd b’dan”, għax aħna nafu li Kristu hu ħaj, li Kristu hu glorjuż. Lilna jgħidilna biex aħna nxandruh, kemm bil-kelma tagħna kif ukoll bix-xhieda ta’ ħajjitna.

Nitolbu lill-Mulej llum: l-ewwel nett nitolbuh li aħna nagħrfuh tassew bħala l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj, dak li salvana permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. U biex aħna nkunu dawk li nxandruh lill-oħrajn, u nagħmlu dan bil-ferħ.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju