L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-parabbola li għadna kemm smajna, Ġesù jgħidha lill-Fariżej, jgħidha lill-kapijiet, imma aħna nistgħu nifhmu li l-messaġġ tiegħu jgħodd għal kull wieħed u waħda minna.

Xi jrid jgħid Ġesù b’din il-parabbola li fiha jsemmi żewġ persuni; wieħed għandu isem li għal Ġesù kien għażiż ħafna għax jgħid li l-fqir kien jismu Lazzru (Lq 16:20). Issa aħna nafu li wieħed mill-ħbieb il-kbar ta’ Ġesù kien jismu Lazzru wkoll u nistgħu nifhmu li l-għażla li Ġesù jagħmel f’din l-istorja li jirrakkonta, lill-fqir jagħtih l-isem ta’ wieħed mill-ħbieb il-kbar tiegħi.

L-għani Ġesù ma jagħtihx isem. Tant hu hekk li fl-antik lill-għani kienu jgħidu: ‘issa sew, wieħed jismu Lazzru, l-ieħor x’se nsemmuh?’ U tawh l-isem ta’ ‘Dives’. Imma dan l-isem minn fejn ġej? ‘Dives’ bil-Latin tfisser għani, allura ħallewh bl-isem ‘għani’. Għani li hu bla isem u jista’ jkun kull wieħed u waħda minna.

Ġesù jgħidilna li f’din l-istorja l-għani kellu bix-xaba’ u Lazzru l-fqir ma kellux biex jitrejjaq anzi “kien jinxteħet ħdejn il-bieb tad-dar tal-għani bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani, mill-frak, sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu” (Lq 16:20-21). Hi storja ta’ abbandun, storja li mhix ’il bogħod minna u li forsi l-ħajja iżjed ma tgħaddi tlaqqagħna ma’ ċirkustanzi fejn ħarisna lejn xi ħadd li għandu l-bżonn u bqajna għaddejjin. Tfakkarna fl-istess atteġġjament li Ġesù jerġa’ jsemmi wkoll fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Kiem hemm il-qassis u kien hemm il-Levita li raw xi ħadd fil-bżonn u baqgħu għaddejjin (Lq 10:31-32).

Alla jista’ kollox imma m’għandux is-setgħa jbiddel id-deċiżjoni tagħna.

Ħin minnhom Ġesù jirrakkonta li wara l-mewt ta’ dawn it-tnejn, Lazzru ntlaqa’ fil-ġenna – għax  ħdan Abraham fil-mentalità Lhudija hu propju l-ġenna, l-hena ta’ dejjem. Imma l-għani mar fit-turmenti ta’ dejjem. U hemm dan id-djalogu. Waħda mill-affarijiet li jolqtuni fid-djalogu bejn Abraham li qed jitkellem ukoll f’isem il-fqir, f’isem Lazzru, u l-għani, dan id-djalogu ħin minnhom Abraham jgħid lill-għani: bejnna u bejnkom hemm dan il-fondoq, dan l-abbiss. “Barra minn hekk hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’ u lanqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna” (Lq 16:26).

Din hi xi ħaġa terribbli. L-ewwel nett tgħidilna li f’mewtna aħna se nagħmlu għażla għal dejjem u l-għażla li nagħmlu ħafna drabi nkunu żrajnieha f’ħajjitna, deċiżjoni wara deċiżjoni. U jiddependi ħafna mill-qalb tagħna jekk hiex qalb iebsa jew imrattba bit-tbatija u bil-kumpassjoni għall-proxxmu. Il-Mulej ħafna drabi jħenn għalina u jibagħtilna s-slaleb biex irattbilna qalbna avolja rasna tibqa’ iebsa. Imma jiddependi minna jekk jirnexxilux jrattab qalbna għax Alla jista’ kollox imma m’għandux is-setgħa jbiddel id-deċiżjoni tagħna. Jista’ jwasslek, jagħmel minn kollox il-Mulej biex qalbek tilqgħu u tilqa’ wkoll id-don tal-ħajja sabiħa ta’ dejjem. Imma rridu nifhmu li f’dan it-tagħlim Ġesù qed jgħidilna: ‘isma’ l-aħwa, intom id-destin tagħkom tafu meta tiddeċiduh? Mhux kemm tixegħlu xemgħa u tibagħtu fjuri l-Knisja, imma kif tistmaw lil xulxin! Għandek ħuk għandu bżonn l-għajnuna, twebbes qalbek għalih? Ma jimpurtax. Ħin minnhom, jasal il-kont. Imbagħad għal xejn tgħid: imma! Għaliex? Għaliex dak il-vojt li Abraham jiddeskrivi, inkunu għamilnieh aħna: jekk bejni u bejn ħija ħloqt abbiss jew ħajt għoli, ‘isma’ inti hemm u jiena hawn, jiena għandi u inti m’għandekx… ma jimpurtanix, problema tiegħek’.

Illum qed infakkru Jum il-Migranti u r-Rifuġjati. Min jaf kemm nitkellmu b’mod iebes fuq dawn in-nies. Ninsew li aħna kellna ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin fis-seklu li għadda – ibda mill-ġenituri tiegħi – li telqu minn Malta u fittxew ħajja aħjar: il-Kanada, l-Ingilterra, l-Amerka, l-Awstralja, u tant pajjiżi oħrajn. U ma kellhomx ħajja faċli għax tisma’ l-istejjer tirrealizza li l-ħajja tal-migrant, anke jekk jimxu mar-regoli u jkollhom il-karti u d-dokumenti kollha sew, xorta mhix faċli. Kien hemm żmien fejn il-Gvern anki kien jagħmel skemi biex lil dak li jkun iħallaslu l-passaġġ.

Illum qed infakkru Jum il-Migranti u r-Rifuġjati. Min jaf kemm nitkellmu b’mod iebes fuq dawn in-nies. Ninsew kellna ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin fis-seklu li għadda li telqu minn Malta u fittxew ħajja aħjar.

Imma ħafna drabi dawn li qed jiġu għandna issa ma jkunux applikaw speċjalment jekk ġejjin biex jaħarbu mill-gwerra. Immaġina n-nies tal-Ukrajna, dawk fl-ewwel ġimgħat kulħadd laqagħhom b’idejh miftuħa, u mhux neċessarjament kellhom kollox sew biex jibqgħu f’pajjiżna. Ilqajniehom għax konna nafu li għandhom bżonn l-għajnuna, li mhux kapriċċ titlaq minn darek, titlaq il-familja, lil ommok, lil missierek, lil ħutek, lit-tfal.

U aħna kif qegħdin nitkellmu fuq dawn ħutna li jiġu fostna u għandhom il-kulur tagħhom iktar skur? Il-Mulej ħalaqhom hekk, imma għalina min huma dawk? Tisma’ min jgħid: ‘Dawk inkwiet biss iġibulna’. Bħallikieku aħna ma nagħmlux l-inkwiet tagħna stess.

Il-ġudizzju ta’ Alla hu veru għax jirrispetta l-għażliet li nagħmel jien.

Naraw ukoll kif is-soċjeta kif timxi magħhom. Meta nisma’ li wieħed minn dawn il-migranti seraq landa tonn taż-żejt u qiegħed il-ħabs, ma nifhimhiex. Hemm Maltin li forsi serqu tlieta – intom tifhmuni x’qed nipprova ngħid – u qegħdin barra jieklu fir-ristoranti! Allura inti tgħid: ‘jekk Alla ma jagħmilx ġustizzja, min se jagħmilha l-ġustizzja?’ Għax dil-parabbola titkellem fuq il-ġustizzja ta’ Alla.

U l-ġudizzju ta’ Alla hu veru għax jirrispetta l-għażliet li nagħmel jien. Issa tgħidli: ‘allura trid tkun ħanin ma’ kulħadd, m’hemmx ġustizzja?’ Le, min seraq irid irodd. Min giddeb u min ikkalunja jrid igiddeb lilu nnifsu għax dik titlob il-ġustizzja. Ma jistax ikun li l-ħniena tfisser li xejn mhu xejn u li m’hemmx dixxiplina, imma hemm mod u mod kif nittrattaw lil xulxin. Anke l-Missier jirrispetta l-għażla ta’ wliedu imma jibqa’ jistenna. Ovvjament jesiġi l-prinċipju tal-ġustizzja imma jaf ukoll jagħder u jħenn kif għandu jagħmel.

Ejjew nitolbu biex aħna qatt ma nwebbsu qalbna għal xulxin. Il-ġustizzja trid tkun, id-dixxiplina trid tkun, imma ejjew ma nibnux vojt, ħitan bejnietna jew inħaffru vojt li mbagħad insibuh jistenniena fil-jum tal-ġudizzju.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għam 6:1a. 4-7
Salm: 145 (146):7,8-9a,9bċ-10
Qari II: 1 Tim 6:11-16
L-Evanġelju: Lq 16:19-31

Aktar ritratti >>