Il-Knisja ta’ Alla bħalissa għaddejja minn proċess ta’ sinodu bit-tema ‘Lejn Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni’. B’din is-sejħa, il-Papa Franġisku jistieden lill-Knisja kollha biex tirrifletti fuq tema deċiżiva għall-ħajja u l-missjoni tagħha.
Il-proċess ta’ dan is-Sinodu issa wasal fl-istadju kontinentali, li jikkonsisti fi żmien ta’ smigħ u dixxerniment tal-Poplu ta’ Alla kollu u tal-Knejjes lokali kollha fuq bażi kontinentali, li jwassal għal sensiela ta’ assemblej kontinentali. Dan mhuwiex replikazzjoni tal-konsultazzjoni, is-smigħ u d-dixxerniment li diġà saru, li kienet stedina għall-Poplu ta’ Alla kollu. Pjuttost, dan hu approfondiment ta’ dak il-proċess ta’ dixxerniment minn nies identifikati biex jirrappreżentaw lill-Knejjes lokali fil-proċessi ta’ qabel kull assemblea kontinentali. Hu mifhum li se jkun hemm differenzi fl-approċċ li jqisu l-prattiki stabbiliti, l-elementi kulturali u lingwistiċi, il-ġeografija, u l-loġistika ta’ kull kontinent.
Dan l-istadju kontinentali hu mmarkat bid-dokument ‘Enlarge the space of your tent’, li nkiteb wara riflessjoni bir-reqqa fuq il-frott tal-ewwel stadju minn sinteżi tal-konferenzi episkopali kollha tal-Knisja Universali, inkluż dik Maltija.
Bejn il-5 u t-12 ta’ Frar 2023 se ssir il-laqgħa kontinentali Ewropea bħala parti mill-proċess tas-Sinodu u se jiġi diskuss id-dokument ‘Enlarge the space of your tent’. Bħala tħejjija għal din il-laqgħa inti mistieden tagħti l-kontribut tiegħek. Bħala gwida għall-kummenti qed nipproponu dawn il-linji:
Meta taqra d-dokument, fejn tara riżonanza mal-kuntest tagħna (Malta/Ewropa)?
Fejn le? U fejn tara li hemm bżonn ta’ aktar riflessjoni/approfondiment?
Inti mistieden tibgħat il-kummenti tiegħek sa nhar it-Tnejn 30 ta’ Jannar 2023. Id-dokument ‘Enlarge the space of your tent’ jinsab fuq knisja.mt/sinodu u l-kummenti jistgħu jintbagħtu permezz tal-formola li hemm fuq din il-webite jew billi tintbagħat email fuq [email protected]. Il-feedback li jinġabar jingħaddew lid-delegazzjoni tal-Konferenza Episkopali Maltija li se tipparteċipa fil-laqgħa kontinentali Ewropea. Il-membri tad-delegazzjoni Maltija huma l-Arċisqof Charles Scicluna bħala President tal-Konferenza Episkopali Maltija, Dun Daniel Sultana, Sor Natalie Abela soc u s-Sur Francesco Pio Attard.