It-Tlieta 20 ta’ Marzu 2012, is-Seminarju tal-Arċisqof organizza Think-Tank mal-ġurnalisti biex is-seminaristi jisimgħu mingħand min għandu f’idejh il-polz tas-soċjetà dwar kif iħares lejn is-saċerdot. Il-ġurnalisti esprimew ukoll l-opinjoni tagħhom fuq kif is-saċerdot għandu jikkomunika b’mod effettiv u b’lingwaġġ li jinftiehem f’dinja li hija ferm nfluwenzata mill-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

Fuq stedina tal-Uffiċċju Komunikazzjoni, għal din l-attività attendew Keith Demicoli (PBS), Kurt Sansone (Allied Newspapers), Marion Zammit (Media.link Communications), Anthony David Gatt (One Television) u Josianne Camilleri (RTK).

Fil-bidu tal-attività, wara mument ta’ talb minn wieħed mis-seminaristi, ir-rettur tas-Seminarju, Fr Jimmy Bonnici, tkellem dwar il-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-formazzjoni ta’ 7 snin li jgħaddi minnha kull seminarist. Il-ġurnalisti preżenti esprimew l-opinjoni tagħhom fuq diversi temi li jolqtu lis-saċerdot, fosthom il-mod kif dan għandu jibni kuntatti tajbin ma’ persuni fil-qasam tal-media, il-fatt li kull saċerdot bil-kliem u l-għemil tiegħu jitqies bħala rappreżentant tal-Knisja, il-preżenza inevitabbi tas-saċerdot fis-social media, leħen is-saċerdot fuq kwistjonijiet morali u issues nazzjonali, u l-mod kif id-dibattitu ntern fi ħdan il-Knisja jista’ jgħin lill-poplu jinforma ruħu u jifforma l-kuxjenza tiegħu. Id-diskussjoni segwit b’numru ta’ nterventi mis-seminaristi u l-ġurnalisti.

Dan it-Think Tank jiġi organizzat ta’ kull sena mis-Seminarju Maġġuri ma’ rappreżentanti ta’ osqma differenti tas-soċjetà bil-għan li dan jgħin fil-formazzjoni tas-seminaristi.

Click on the photos to enlarge. Photos: Curia Communications Office