L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ippermettuli naqsam kelma ta’ inkoraġġiment ma’ Dun Mario Said li llum inħatar ufffiċjalment kappillan ta’ din il-parroċċa fejn ilek erba’ snin taqdi din il-komunità. Dun Mario, nawguralek li tieħu l-ewwel qari mill-Profeta Iżaija bħala l-programm ta’ dan il-ministeru tiegħek li inti qed tgħix hawnhekk.
Aħna s-saċerdoti, imma mhux biss, infakkru lilna nfusna li dak li aħna mhux mertu tagħna imma għaliex l-ispirtu t’Alla huwa fuqna u magħna: “L-ispirtu tal-Mulej fuqi, hu kkonsagrani”. Inti kkonsagrat u maqtugħ mill-oħrajn minkejja d-dgħufija tiegħek, bniedem tad-demm u l-laħam “biex twassal bxara tajba, biex iddewwi l-qalb miksura, biex tħabbar il-ħelsien” (Iż 1:1). Itlob li l-ewwel esperjenza ta’ ħelsien, ta’ faraġ, ta’ bxara t-tajba tkun għalik, li tgħixha imma wkoll li twassalha bil-ħajja tiegħek, bil-ħarsa ħanina tiegħek, bl-imħabba tiegħek.
Ħa ngħidilkom żewġ ħsibijiet qosra ispirati mill-Evanġelju li għadna kemm sajna llum. Min isegwini fuq TVM kull nhar ta’ Ħadd jaf, għax diġà spjegajt, li din is-sena hi ddedikata lill-Evanġelju ta’ San Mark. Iżda ħin minnhom se nibdew nisimgħu ukoll siltiet mill-Evanġelju skont San Ġwann għaliex l-Evanġelju ta’ San Mark huwa qasir u m’għandniex biżżejjed siltiet għall-Ħdud kollha. Għalhekk, matul din is-sena speċjalment fis-sajf, se nisimgħu diversi siltiet sbieħ mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.
Illum hija waħda minn dawn il-mumenti fejn San Mark jiskot ftit għax diġà smajnieh fl-ewwel żewġt Iħdud tal-Avvent. Illum, it-Tielet Ħadd tal-Avvent, se nisimgħu innu mill-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann li x’aktarx kien innu antik li l-komunità tkanta f’dawn iż-żminijiet tal-Avvent u l-Milied. Huwa nisġa li tgħanni l-fatt li l-Iben t’Alla sar bniedem, xi ħaġa li se niċċelebrawha bħal-lum ġimgħa minn lejlet il-Milied ’il quddiem, imma wkoll tintroduċi dan il-personaġġ li ltqajna miegħu l-ġimgħa li għaddiet, dak ta’ Ġwanni l-Battista.
L-ewwel ħsieb li nixtieq nislet huwa dak li jgħid l-Evanġelju ta’ San Ġwann fuq il-Battista li jismu Ġwanni wkoll. Isimhom diġà huwa sabiħ għax ‘Ġwanni’, ‘Yohanan’ ifisser ‘Alla ħanin’, ‘Alla ħniena’. Meta l-Mulej għażel li jibgħat lil xi ħadd qablu għażillu dan l-isem, isem magħżul minn Alla. Dan biex ifakkarna li Alla huwa ħniena, Alla huwa ħanin.
Hu jgħid: “Ġwanni ma kienx id-dawl imma ġie biex jixhed għad-dawl” (Ġw 1:8), xi ħaġa li għandha tolqot lilna wkoll. Quddiem il-Mulej Ġesù, nifhmu li qegħdin fil-preżenza tad-dawl, u mhux tad-dlam. Tajjeb nifhmu wkoll li mhux aħna d-dawl. Aħna msejħin biex nixhdu għad-dawl. Waħda mill-affarijiet sbieħ tat-tiżjin tal-Milied huwa l-użu tad-dwal; il-kewkba, il-mixegħla li nagħmlu. Dawn huma xhieda tad-dawl li huwa Ġesù. Ifakkarna li aħna rridu nagħmlu din il-għażla: li nkunu xhud tad-dawl; aħna m’aħniex id-dawl imma xhieda tad-dawl.
Fil-fatt, il-missirijiet ewlenin tal-Knisja kienu jħarsu lejn il-familja ta’ Ġesù u kienu jiftakru fil-misteru tal-qamar. Il-qamar m’għandux dawl minnu nnifsu imma jirrifletti d-dawl tax-xemx, mhux hu d-dawl imma hu xhieda tad-dawl. U aħna, meta nħarsu lejn il-qamar niftakru wkoll li dak id-dawl huwa rifless tax-xemx li hija propju stilla kbira. Ix-xems hija sors ta’ dawl fiżiku li aħna nistgħu nkejlu u nħossu bis-sħana. Il-qamar huwa dawl rifless li jaffettwa l-ħolqien u anke jagħmel kambjament fil-klima li jaffetwana. Għalkemm aħna nirriflettu d-dawl ta’ Ġesù jista’ jkollna wkoll impatt. Meta tħarsu lejn il-qamar, mhux bħal-lum għax naqra msaħħab, ftakru li aħna mhux id-dawl, aħna xhieda tad-dawl.
It-tieni ħsieb hija mistoqsija spirata minn xi ħaġa li Ġwanni l-Battista jgħid meta jitkellem mal-messaġġiera li bagħtu l-Fariżej. Hu jgħidilhom: “F’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx” (Ġw 1:26). Ċanfira ħelwa din. Il-Mulej qiegħed f’nofsna, aħna nafuh? Aħna nafu min hu l-Mulej? Qiegħed f’nofsna. Aħna niġu l-knisja, nisimgħu l-Kelma t’Alla, niltaqgħu miegħu fis-sagramenti, u hu qiegħed preżenti fil-proxxmu tagħna, “Dak li għamiltu ma’ l-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi”. Imma dak kien il-kumment ħafif ħafif ta’ Ġwanni. Ta’ min nieqfu ftit fuqu, l-aħwa. “Fostkom hemm wieħed li ma tafuhx”.
Aħna nitolbu li f’din il-ġimgħa li ġejja qabel il-Milied nibdew insiru nafuh ’l Ġesù. Ġesù huwa l-ħniena ta’ Alla, id-dawl, il-ħajja, it-triq, il-verità. Ġesù hu dak li għallimna nħobbu saħansitra lill-għedewwa, dak li għallimna narawh fil-proxxmu, fil-batut u fiċ-ċkejken. Nitolbu ’l Mulej li qiegħed fostna biex aħna nsiru nafuh.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 61:1-2a,10-11
Salm: Lq 1:46-48,49-50,53-54
Qari II: 1 Tess 5:16-24
L-Evanġelju: Ġw 1:6-8,19-28