L‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed tikkollabora ma’ Infrastructure Malta fir‑riġenerazzjoni tal‑ġonna tad‑Dar tal‑Kleru f’Birkirkara b’xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ, u tħawwil ta’ siġar. Il‑ġonna ta’ din id‑dar, li huma mifruxa fuq 20,000 metru kwadru ta’ art, huma fost il‑ftit żoni mhux mittiefsa mill‑bini f’din il‑lokalità.

Fil‑bidu ta’ din is‑sena tħawlu 700 siġra taċ‑ċipress li se joffru kenn lil 700 siġra oħra li Infrastructure Malta qed tħawwel fuq in‑naħa ta’ ġewwa tal‑ġonna. Dawn jinkludu ħarrub, siġar ta’ Ġuda, rand, żebbuġ u ballut, kif ukoll speċi ta’ siġar tal‑frott bħal ċawsli bojod u suwed, rummien, għanbaqar, berquq, ħawħ u tuffieħ.

Infrastructure Malta għenet ukoll fit‑tfassil ta’ disinn ġdid għall‑ġonna biex il‑passaġġi jitjiebu b’mod li jkunu aktar aċċessibbli għas‑saċerdoti anzjani li jgħixu fir‑residenza. Flok ċangaturi se jintużaw 1,790 arbuxell tal‑klin biex jiffurmaw il‑passaġġi ġodda madwar is‑siġar. Qed tiġi installata wkoll sistema ġdida għat‑tisqija tas‑siġar ġodda kif ukoll diversi bankijiet f’diversi partijiet tal‑ġonna. Din il‑kollaborazzjoni bejn Infrastructure Malta u d‑Dar tal‑Kleru bdiet fuq proposta ta’ David Azzopardi, ambjentalist u edukatur fil‑qasam sportiv.

Bl‑għajnuna ta’ benefatturi oħrajn, id‑Dar tal‑Kleru qed toħloq żona iddedikata għat‑talba tar‑rużarju u żona b’siġar indiġeni li jista’ jservi wkoll għal skop edukattiv. Partijiet oħrajn tal‑ġonna se jibqgħu jintużaw mid‑Dar tal‑Kleru sabiex jitkabbru ħxejjex u ħwawar li jintużaw għat‑tisjir.

Id‑Direttur tad‑Dar tal‑Kleru, Mons. Anton Cassar, qal li dan il‑proġett se jgħin biex ir‑residenti tad‑Dar jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Waqt li rringrazzja lil Infrastructure Malta u lil David Azzopardi għal din l‑inizjattiva, Mons. Cassar żied jgħid li dan il‑proġett qed isir fil‑ħames anniversarju tal‑enċiklika Laudato si’ li fiha l‑Papa Franġisku jistieden lil dawk ta’ rieda tajba biex iħarsu l‑ambjent u l‑ħolqien ta’ madwarna. Mons. Cassar ħabbar li l‑ġnien se jissemma Ġnien Laudato si’.

Is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, irringrazzja lill‑Onor. Ian Borg, Ministru għat‑Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, u qal li fil‑futur il‑ġnien jista’ jservi għal għan edukattiv billi l‑istudenti jiġu mistiedna jżuruh u jitgħallmu aktar dwar siġar indiġeni Maltin. Is‑Sur Pace Ross żied jgħid li l‑ġnien jista’ jservi wkoll ta’ opportunità biex studenti jiltaqgħu ma’ saċerdoti anzjani li ddedikaw ħajjithom jgħinu lin‑nies fil‑parroċċi, u b’hekk isegwu l‑appell li l‑Papa Franġisku għamel liż‑żgħażagħ biex jagħtu wens lill‑anzjani li jħossuhom waħidhom. Huwa appella lis‑sidien tal‑artijiet u lill‑awtoritajiet biex jipproteġu l‑ftit spazji miftuħa li għad fadal fil‑qalba tal‑irħula biex dawn jibqgħu jipprovdu arja nadifa li tant għandhom bżonn il‑komunitajiet tagħna.

L‑Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, l‑Inġinier Fredrick Azzopardi,  irringrazzja lill‑Arċidjoċesi ta’ Malta u lit‑tmexxija tad‑Dar tal‑Kleru talli taw l‑opportunità lill‑aġenzija biex tinvesti fit‑titjib ta’ dawn il‑ġonna. “Birkirkara hija waħda mill‑iżjed lokalitajiet iffullati f’Malta. Dawn il‑ġonna huma mdawrin b’diversi djar fejn jgħixu l‑familji. Għalhekk, it‑tisbiħ tal‑ġonna se jagħti kwalità tal‑arja aħjar u ambjent isbaħ lill‑mijiet ta’ familji quddiem djarhom. Dan l‑investiment se jgħin ukoll biex eventwalment dawn il‑ġonna jsiru aktar aċċessibbli għall‑komunità, speċjalment meta jibdew jilqgħu fihom tfal mill‑iskejjel. Inħarsu ’l quddiem biex inkomplu nsaħħu din il‑kollaborazzjoni ambjentali mal‑Knisja b’aktar proġetti simili.”

Minbarra dan il‑proġett tal‑ġonna tad‑Dar tal‑Kleru, Infrastructure Malta u l‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed jaħdmu wkoll biex jitħawlu aktar siġar fi spazji oħrajn miftuħin amministrati mill‑Knisja.