Pope in UK

Il-Papa Benedittu XVI dalgħodu mexxa assemblea ta’ tfal fil-Punent ta’ Londra. Dan meta qed jissokta biż-żjara statali tiegħu fir-Renju Unit. Wara mumenti ta’ talb, il-Papa nstaq bil-popemobile fil-bini tal-Kulleġġ Universitarju ddedikat lil Santa Marija fi Twickenham. Aktar kmieni huma reġa’ ngħata merħba mal-wasla tiegħu karatterizzata minn sigurta massima. Iżjed tard fl-iskeda hi laqgħa mal-Arċisqof ta’ Canterbury, fost appuntamenti oħrajn.

Intant, għexieren ta’ eluf ta’ persuni attendew għall-quddiesa fil-beraħ li ċċelebra l-Papa Benedittu XVI fi Glasgow, fl-Iskozja. Għall-quddiesa, li saret f’Bellahouston Park, huwa stmat li attendew mas-70,000 persuna li kienu qed jgħajtu u jxejru l-bnadar tal-Papa. Fl-omelija tiegħu, il-Papa qal li fiż-żmenijiet tal-lum, l-evanġelizzazzjoni tal-kultura hija importanti iktar minn qatt qabel.

Iktar kmieni qal li jrid jestendi l-id tal-ħbiberija lir-Renju Unit u appella sabiex dan il-pajjiż  jirreżisti l-iktar forom aggressivi tas-sekulariżmu. Tkellem dwar dak li sejjaħlu “d-dittatorjat tar-relattiviżmu”, fejn semma kif uħud qed jeskludu t-twemmin reliġjuż mid-diskors pubbliku sabiex anki jpinġuh bħala theddida għall-ugwaljanza u l-libertà.

Benedettu XVI kompla jgħid kif is-soċjetà llum għandha bżonn ta’ vuċijiet ċari li jippromwovu d-dritt għall-ħajja f’soċjetà li ma tgħixx bħala ġungla, iżda soċjetà li taħdem għall-ħarsien tal-membri kollha tagħha. Qal li s-soċjetà għandha toffri lil kulħadd protezzjoni u gwida fid-dawl tad-dgħjufijiet ta’ wħud mill-membri tagħha.

Hawnhekk, il-Kap tal-Knisja Kattolika appella lill-Insara Skoċċiżi sabiex ma jaqgħux għat-tentazzjoni tad-droga, sess, flus, pornografija u alkoħol.

Il-Papa wasal Glasgow minn Edinburgh fejn intlaqa’ mir-Reġina Eliżabetta fil-Palazz ta’ Holyrood. Susan Boyle, l-istilla tax-show televiżiv Britain’s Got Talent, kantat l-innu How Great Thou Art.

Il-Ħamis filgħodu l-Papa beda s-sbatax il-vjaġġ appostolika tiegħu f’dan il-pontifikat u wasal bl-ajruplan tal-Alitalia fl-ajruport ta’ Edinburgh. Fuq it-titjira kien hemm madwar 30 uffiċjal għoli tal-Vatikan u għadd kbir ta’ ġurnalisti. Mill-ajruport huwa baqa’ sejjer f’Holyrood House fejn iltaqa’ mar-Reġina Eliżabetta qabel il-quddiesa fl-apert fi Glasgow.

Mijiet ta’ eluf ta’ nies kienu skjerati mat-toroq ta’ Edinburgh li ħarġu jagħtuh merħba, għalkemm matul iż-żjara tiegħu hemm ippjanati wkoll xi protesti. B’reazzjoni għal dawn il-Vatikan kien irreaġixxa u qal li huma affarijiet normali f’pajjiżi fejn teżisti demokrazija.

Dan il-vjaġġ huwa l-ewwel wieħed fir-Renju Unit minn meta kien għamel żjara l-Papa Ġwanni Pawlu II, 28 sena ilu. Din hija wkoll żjara statali għaliex il-Papa kien mistieden mir-Reġina u mhux mill-Knisja.