L‑Għaqda Biblika Maltija nediet il‑ħames edizzjoni tal‑Bibbja bil‑Malti riveduta skont l‑aħħar studji mill‑Biblisti Maltin. Il‑Bibbja, li għandha sservi ta’ gwida għall‑formazzjoni ta’ kull Nisrani, qed tiġi ppublikata fis‑60 anniversarju mit‑twaqqif tal‑Għaqda Biblika Maltija.
It‑tnedija tal‑Bibbja bil‑Malti ġiet ippreżentata lill‑Isqfijiet waqt laqgħa tal‑Konferenza Episkopali Maltija fil‑Kurja tal‑Arċisqof il‑Furjana.
Fil‑messaġġ tiegħu, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna qal li minkejja l‑messaġġ tal‑Bibbja ma jinbidilx, huwa essenzjali li minn żmien għal żmien jiġi aġġornat il‑lingwaġġ li bih tkun inkitbet sabiex nifhmu u nersqu aktar lejn il‑Kelma tal‑Mulej. L‑Arċisqof awgura li din l‑edizzjoni l‑ġdida tal‑Bibbja bil‑Malti tkun strument qawwi ta’ evanġelizzazzjoni.
Rev. Dr Paul Sciberras, l‑editur ewlieni fi ħdan il‑Kummissjoni Permamenti għar‑Reviżjoni tal‑Bibbja tal‑Għaqda Biblika Maltija rringrazzja lill‑membri tal‑Bord tal‑Għaqda, lir‑riċerkaturi u l‑kontributuri tal‑ħidma sfieqa tagħhom. Qal li r‑reviżjoni tal‑Bibbja, li huwa xogħol li jsir b’reqqa u ħafna paċenzja, jibqa’ dejjem imnebbaħ mill‑Ispirtu s‑Santu biex il‑Kelma ta’ Alla tibqa’ relevanti fl‑istorja tal‑bniedem.
Il‑ħames edizzjoni ġiet stampata fi tliet formati differenti: edizzjoni standard, edizzjoni kompatta u edizzjoni speċjali. Kopja tal‑Bibbja tista’ tinxtrara mill‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana, mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa bejn it‑8am u t‑3:30pm, bl‑eċċezzjoni tal‑Ħamis. L‑edizzjoni standard u dik kompatta huma disponibbli wkoll mill‑librara u distributuri ewlenin tal‑kotba.
Kmieni din is‑sena, għall‑ewwel darba, it‑test tal‑Bibbja bil‑Malti sar parti mill‑app tal‑Bibbja popolari YouVersion għall‑iOS u Android. Bħala parti mis‑servizzi tagħha, YouVersion toffri mhux biss it‑traduzzjoni l‑iktar riċenti tal‑Għaqda Biblika Maltija, imma wkoll l‑opportunità ta’ talb kuljum mill‑Iskrittura, u riżorsi oħra għat‑tfal, żgħażagħ u kbar. Għal aktar informazzjoni żur Bibbja.mt.