L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Kbir hu f’nofsok il-qaddis ta’ Iżrael” (Iż 12:6). Fil-festa taż-żjara ta’ Sidtna Marija lil Eliżabetta, li hija wkoll it-titular ta’ din il-parroċċa tal-Porto Salvo, dan il-kliem tas-Salm joqgħod tassew mhux biss għal Marija għaliex hi li qed iġġorr lil Ġesù f’ġufha, imma dan il-kliem għandu jgħodd u jgħodd għal kull komunità Nisranija. Niftakru fil-kelma ta’ Ġesù stess: “Fejn tnejn jew tlieta jinġabru f’ismi, hemm jien inkun f’nofshom” (Mt 18:20). Jiena u nifraħ magħkom u nkellimkom, infakkarkom f’dan il-kliem li jgħodd għal Marija hi u ġġorr lil Ġesù fil-ġuf tagħha, imma wkoll jgħodd għalikom. Għeżież parruċċani ta’ din il-parroċċa ta’ Porto Salvo li llum, it-2 ta’ Lulju 2021, qiegħda tiċċelebra l-450 anniversarju mid-dokument pontifiċju ta’ San Piju V u t-twaqqif tagħha bħala parroċċa. “Kbir hu f’nofsok il-qaddis ta’ Iżrael”

Il-ħajja fil-ġuf

Aħna nsellmu lil Marija taħt dan it-titlu sabiħ tal-Porto Salvo, bl-Ingliż Our Lady of the Fair Havens, u fiha naraw dik l-arka tal-Patt il-Ġdid li żżomm b’għożża u tħares biha għal disa’ xhur il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem. F’dan il-misteru kbir hemm fidi antika li l-ħajja fil-ġuf mhux biss jistħoqqilha d-dinjità imma għandha wkoll il-leħen tagħha għaliex, kif tgħid Eliżabetta, “Malli smajt leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Hienja int” (ara Lq 1:44-45).

Il-ħajja fil-ġuf jistħoqqilha jew le l-ħarsien tagħna?

Li Ġwanni l-Battista fil-ġuf ta’ ommu jħoss bil-perċezzjoni ta’ ommu stess, il-preżenza tal-Iben ta’ Alla fil-ġuf ta’ ommu, għandna x’nirriflettu mhux biss fuq id-dinjità tal-ħajja fil-ġuf — għax aħna għandna l-laqgħa ta’ żewġ ommijiet tqal — imma wkoll li l-frott tal-ġuf tagħhom jikkomunika. Li jkollna nieqfu u naħsbu, malajr insolvu ħafna dilemmi li jkollna. Il-ħajja fil-ġuf jistħoqqilha jew le l-ħarsien tagħna? Inħarsu lejn dawn iż-żewġ ommijiet, li għalkemm qegħdin iġorru t-trabi tagħhom fil-ġuf, mhux biss jikkomunikaw bejniethom imma anke t-trabi tagħhom iħossu lil xulxin. “Kbir hu f’nofsok il-qaddis ta’ Iżrael” (Iż 12:6).

Ġesù jinsisti li hu preżenti fostna meta niltaqgħu u nitolbu f’ismu. Imma xi tfisser din? Li nsemmu l-isem ta’ Ġesù biżżejjed? Jiena naħseb li t-tieni qari li smajna mill-ittra tal-Appostlu Missierna San Pawl lir-Rumani, jagħtina r-riċetta ta’ din il-preżenza ta’ Ġesù: “Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor; taħmlux il-ħażen, żommu mat-tajjeb. Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin” (Rum 12:9-10). San Pawl ikompli jgħallimna kif għandu jkun l-għemil tagħna. Li kieku jkollna naqraw bil-kalma din is-silta sabiħa minn kapitlu 12 tal-Ittra lir-Rumani, kieku għandna programm tal-ħajja tal-parroċċa. Nixtieq nafdalkom din is-silta bħala tifkira ta’ dan l-anniversarju għażiż għalikom.

Is-sema pajjiżna

Imma llum ma nistgħux ma niftakrux minn fejn ġiet il-kelma għażiża ‘parroċċa’. Xi tfisser parroċċa? Il-kelma ‘parroċċa’ ġejja mill-Grieg parochia li tfisser ‘barrani’. Hi kelma antika ħafna li vvintawha l-Insara għall-komunitajiet tagħna. Min-naħa l-oħra, il-kelma ‘djoċesi’ kienet terminu amministrattiv tal-Imperu Ruman. Fil-fatt, fis-silta ta’ San Luqa dwar id-dixxipli ta’ Għemmaws meta Ġesù jissieħeb ma’ Kleofa u mad-dixxiplu l-ieħor u jagħmel tabirruħu li ma jafx x’ġara, jgħidulu, “’Int waħdek il-barrani li ma tafx x’ġara f’Ġerusalemm dawn il-jiem?’ Jgħidilhom: ‘X’ġara?’” (Lq 24:18-19). Meta jgħidulu l-barrani bil-Grieg li bih inkiteb l-Evanġelju ta’ San Luqa, jgħidulu lil Ġesù paroichos, l-ewwel paroichos, li l-ewwel parruċċan huwa Ġesù. Inti l-barrani? Anke fl-ittri ta’ San Pietru u San Pawl lill-komunità jgħidu “lill-qaddisin li qegħdin jgħixu ġo Ruma, li qegħdin Korintu, li qegħdin Tessaloniki,” kienu jużaw il-verb li ġej minn dil-kelma li qegħdin jgħixu imma ta’ barranin. Xi tfisser dil-ħaġa? Tiftakru f’dik il-kelma li għallimna l-Appostlu Missierna: “Intom pajżana tas-sema pajjiżna. Minn hemm nistennewh jiġi s-salvatur tagħna Ġesù Kristu” (Fil 3:20).

Illum intom qed tifirħu bit-twaqqif ta’ din il-komunità bħala parroċċa imma ftakru li fil-kelma ‘parroċċa’ hemm il-vokazzjoni għal destin lil hinn minn din il-ħajja. Aħna ngħixu f’din id-dinja bħala pellegrini għax is-sema pajjiżna. Bħal-lum sena, Dun Michael Bugeja, ommok siefret mingħajr ma qaltlek li qatgħet il-biljett. Bħal-lum sitt snin, missieri wkoll siefer. Il-Mulej ħatafuli meta konna Ruma biex nirċievi l-palium mingħand il-Papa. Missieri tela’ magħna u niżżilnieh, dak li baqa’ għax imbagħad mar is-sema. Din id-data ma nistgħux ninsewha jien u int, Dun Michael. Bħal-lum miet missieri u mietet ommok. Imma waqt li jien u inti qed inkomplu niċċelebraw l-Ewkaristija, niftakru li parti minn qalbna u demmna qiegħda l-ġenna, għax hemmhekk pajjiżna. Il-parroċċa li teżisti għal din l-art, għadha ma fehmitx il-vokazzjoni tagħha li hawnhekk irid ikun l-għatba għas-sema. Il-Porto Salvo mhuwiex biss il-Port il-Kbir, li huwa port majestuż u kenni, imma huwa l-ġenna fejn kulħadd għandu post.

Meta Ġesù jitkellem fuq il-ġenna jgħidilna dwar il-post li tħejja għalina. Ara meta jitkellem fuq l-infern ma jgħidx hekk, jgħid l-infern tħejja għax-Xitan u l-anġli tiegħu. L-infern ma tħejjiex għalina. Lill-Mulej inħobb ngħidlu talba li meta n-nies jisimgħuha, jitbissmu. Ngħidlu: ‘Ġesù, ħudni meta trid imma jien m’iniex mgħaġġel’. Meta jrid hu, għax fuq kollox xorta li jrid se jagħmel. Tajjeb nibdew naċċettaw ir-realtà kif inhi, imma jiena xorta ngħidlu m’iniex mgħaġġel. Għiduhielu din, għalkemm xorta meta jiddeċiedi hu.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li llum, aħna u niċċelebraw dan l-anniversarju f’din is-sena ċentinarja tal-fundatur, tal-għażiż San Duminku u t-transitu tiegħu, aħna nifhmu li t-togħma tajba tal-ħajja tkun jekk fil-qalb tagħna jkun hemm dik ix-xebh: Mulej, agħmel li aħna naslu fil-port tas-salvazzjoni, fil-port tal-kenn li huwa s-sema.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sof 3:14-18
Salm: 12:2-6
Evanġelju: Lq 1:39-56