Il‑Kummissjoni Patrimonju Kulturali Kattoliku (KPKK) u l‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) huma mħassba serjament dwar il‑proposta ta’ bini ta’ triq f’Ħad Dingli li tgħaqqad Daħla tas‑Sienja ma’ Sqaq il‑MUSEUM.

Iż‑żewġ kummissjonijiet jarawha stramba li Infrastructure Malta daħlet għal dan ix‑xogħol ftit żmien biss wara li ntemm l‑eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir‑Rural Policy and Design Guidance 2020, li suppost hija intiża biex tgħin lill‑bdiewa fl‑attivitajiet agrikoli tagħhom. Dan il‑proġett imur kontra l‑għanijiet ta’ din il‑policy għax se jkun qed jhedded l‑għajxien ta’ numru ta’ bdiewa. L‑argument ta’ Infrastructure Malta li din it‑triq hemm bżonnha f’każ ta’ emerġenza futura huwa perikoluż kif ukoll dgħajjef. B’dan l‑istess argument, bosta ċentri storiċi tal‑ibliet u l‑irħula f’Malta u Għawdex jistgħu jitwaqqgħu biex ikunu jistgħu jitwessgħu t‑toroq u l‑isqaqien li jagħtuhom karattru. 

Il‑KPKK u l‑KA jqisu bħala ħaġa tal‑mistħija li l‑Awtorità dwar l‑Ambjent u r‑Riżorsi (ERA) ħarġet permess biex jinqerdu siġar tal‑ħarrub, li huwa stmat li għandhom mijiet ta’ snin[1], biex issir triq li se tagħmel ħerba lill‑wirt naturali, tipperikola patrimonju arkitettoniku u l‑kuntest tiegħu, u thedded l‑għajxien tal‑bdiewa.

Ix‑xogħlijiet proposti se jqiegħdu f’riskju u jistgħu jikkawżaw danni binja medjevali li l‑esperti identifikaw bħala l‑Kappella ta’ Santa Duminka ta’ Ħal Tartarni.  Din il‑kappella hija waħda mill‑ftit eżempji ta’ arkitettura Medjevali li fadal f’Malta. Ir‑Rollo tal‑1436 juri li sa mill‑1402 dan is‑sit kien diġà meqjus bħala parroċċa għax hu deskritt bħala cappella sancte Dominica tartarni. Kienet magħrufa hekk tal‑anqas sal‑1522. It‑triq proposta hija ta’ periklu għall‑fdalijiet ta’ din il‑kappella u l‑kuntest tagħha. Huwa meħtieġ li jsir studju arkeoloġiku bir‑reqqa ta’ dan is‑sit, sabiex jikxfu l‑fdalijiet ta’ strutturi oħra, bħaċ‑ċimiterju, li kien jakkumpanja kappelli medjevali bħal din. Studju tal‑2005 juri li hemm fdalijiet sinifikanti fl‑inħawi ta’ Ħal Tartarni, li tiegħu l‑knisja ta’ Santa Duminka kienet il‑knisja parrokkjali. Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li dawn il‑fdalijiet tal‑knisja ta’ Santa Duminka ta’ Ħal Tartarni ma għandhom x’jaqsmu xejn mal‑kappella barokka ta’ Santa Duminka (fi Triq il‑Għajn) li nbniet fl‑1669.

Hemm bżonn li Infrastructure Malta tkun integrata mill‑ġdid b’mod sħiħ fil‑proċess tal‑ippjanar. Jeħtieġ li ssir reviżjoni urġenti tal‑eżenzjonijiet li ngħataw lil Infrastructure Malta li jippermettulha tagħmel ċerti proġetti mingħajr ħtieġa li tapplika għall‑permess sħiħ tal‑iżvilupp, b’mod li jeskludu lil tali proġetti mill‑iskrutinju tal‑pubbliku u skrutinju rigoruż min‑naħa ta’ awtoritajiet kompetenti oħra. B’dan il‑mod, din l‑aġenzija tal‑Gvern qed thedded l‑għajxien tal‑bdiewa u l‑wirt naturali u kulturali tal‑pajjiż. Għalhekk, hemm bżonn li l‑attivitajiet tagħha jkunu regolati iktar, u mhux inqas, tant li wieħed jiġi mġiegħel jaħseb li mhu qed ikunu regolati xejn.

Il‑fatt li t‑triq proposta ilha ppjanata għal ħafna snin ma jfissirx li m’hemmx bżonn li nerġgħu naraw jekk fl‑2020 din it‑triq għadx hemm tassew bżonnha. Nappellaw lill‑awtoritajiet biex issir ir‑reviżjoni tal‑pjani lokali li ilha mwiegħda għal diversi snin imma li għadha ma seħħitx. Huwa pertinenti li nsaqsu jekk l‑Awtorità tal‑Ippjanar, wara li għaddiet minn diversi eżerċizzji ta’ ristrutturar f’dawn l‑aħħar snin, hijiex mgħammra biżżejjed biex tagħmel reviżjoni sħiħa u sodisfaċenti tal‑pjani lokali, liema reviżjoni tkun ibbażata fuq studji serji u bil‑għaqal tal‑ħtiġijiet ta’ kull lokalità, u fuq inventarju tal‑assi naturali u mibnija li jeħtieġu li jiġu mħarsa.

Il‑KPKK u l‑KA jixtiequ jfaħħru l‑inizjattiva ta’ ċittadini, bdiewa, għaqdiet ambjentali u professjonisti li, abbażi tal‑esperjenza u l‑ħiliet tagħhom, u l‑apprezzament ġenwin li jħaddnu tal‑wirt naturali u kulturali tal‑pajjiż, huma minn ta’ quddiem biex iħabirku ħalli l‑wirt tal‑pajjiż ikun imħares kif suppost. Ikun tajjeb ħafna li dan l‑apprezzament, flimkien ma’ azzjoni f’waqtha, wieħed ikun jista’ jarahom riflessi fl‑awtoritajiet, il‑ministri u l‑membri parlamentari kollha tal‑gżejjer tagħna.  

Il‑KPKK u l‑KA għalhekk jitolbu sabiex titwarrab il‑proposta ta’ din it‑triq sabiex jiġu salvagwardati l‑għajxien tal‑bdiewa u l‑ħarsien ambjentali, storiku u kulturali tal‑lokalità. Iż‑żewġ kummissjonijiet iħeġġu wkoll li jiġu mnedija l‑istudji neċessarji sabiex tkun preservata l‑kappella u l‑kuntest tagħha. Kemm il‑wirt naturali kif ukoll dak storiku huma elementi integrali tal‑kwalità tal‑ħajja tal‑komunitajiet preżenti u dawk futuri, li jkunu jistgħu jirrelataw mal‑passat u l‑identità tagħhom li jagħnu s‑sens ta’ komunità, illum u fil‑ġejjieni.


[1] https://newsbook.com.mt/en/permission-granted-for-the-removal-of-old-carob-trees-to-make-way-for-new-roads-in-dingli/