Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin f’Kuba qal iktar kmieni li l-Gvern iħares ‘il quddiem lejn l-okkażjoni li jiskambja miegħu ideat differenti, li kien irrappurtat li setgħu tqanqlu minn xi forma ta’ nuqqas ta’ qbil mal-kummenti li għadda l-Papa fil-konferenza tal-aħbarijiet li indirizza fuq l-ajruplan fi triqtu mill-Messiku lejn Kuba, fejn allegatament ikkritika l-ideoloġija Marksista.
Bruno Rodriguez, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fi ħdan il-Gvern Komunista ta’ Kuba, intalab jgħaddi l-kummenti tiegħu ftit tal-jiem ilu fl-inawgurazzjoni taċ-ċentru għall-ġurnalisti li qed jintuża waqt dawn il-jiem ta’ żjara tal-Papa. Il-Ministru qal li l-Gvern mill-bidu qal li xtaq jiskambja ideat mal-Papa. Żied li l-poplu Kuban żviluppa Gvern wara taqbid kontinwu fuq medda ta’ snin, fejn iġġieled għal-liberta u kontra l-iskjavitu. It-taqbid intqal li jinkludi “dak li l-Papa Ġwanni Pawlu II iddeskriva bħala miżuri ekonomiċi inaċċettabbli li huma inġusti u mhux etiċi, imposti”. Hawn Rodriguez irrefera għall-embargo ekonomika tal-Istati Unit ital-Amerika li kien impost fl-1962.
Rodriguez kompla li “il-proġett soċjali ta’ Kuba hu miftuħ għal skambju ta’ ideat. Huwa proġett soċjali demokratiku u koerenti. Il-liberta hi waħda mill-valuri supreme tal-kultura u tal-poplu tagħna”.
Minkejja dan, il-Papa Benedittu XVI, waqt it-titjira mill-Italja għall-Messiku wieġeb għal mistoqsija tal-ġurnalisti dwar l-arrest ta’ Kubani għax esprimew fehma diversa, u qal li “il-Knisja hi dejjem fuq in-naħa tal-liberta, il-liberta tal-kuxjenza u l-liberta reliġjuża. L-ideoloġija Marksista kif tnisslet, m’għadhiex iżjed twieġeb għar-realta llum. Bl-ebda mod m’għadna nistgħu nirreġixxu b’dak il-mod fil-binja tas-soċjeta”.