• L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Brendan Gatt bħala Vigarju Ġudizzjali tat‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, bid‑data effettiva tas‑7 ta’ Jannar 2018, festa ta’ San Rajmondu ta’ Peñafort, il‑qaddis patrun ta’ dawk li jagħtu servizz fil-qrati tal-Knisja.

    Dun Brendan Mark Gatt twieled fil‑25 ta’ Marzu 1978. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja u sekondarja fil‑Kulleġġ De La Salle, il‑Birgu. F’Settembru 1997 daħal is‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù, filwaqt li studja l‑Filosofija u t‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Bħala parti mill‑formazzjoni saċerdotali tiegħu, matul is‑sena akkademika 1999 – 2000, qatta’ sitt xhur jaħdem bħala ġurnalist u producer ma’ Radju RTK, u sitt xhur oħra jikseb esperjenza pastorali fil‑parroċċa Our Lady of Mercy, fil‑belt ta’ Baton Rouge, Louisiana (USA).

    Dun Brendan ġie ordnat saċerdot fid‑29 ta’ Ġunju 2004. F’Settembru tal‑istess sena kompla l‑istudji tiegħu billi speċjalizza fil‑Liġi Kanonika fl‑Università Pontifiċja Gregorjana, Ruma. F’Ġunju 2007 huwa kiseb Liċenzjat fil‑Liġi Kanonika. Wara dan, segwa wkoll il‑kors speċjalizzat ta’ Diploma fil‑Ġurisprudenza Kanonika fl‑istess università.

    F’Ġunju 2009 rritorna Malta fejn ħadem bħala Difensur taż‑Żwieġ u Promotur tal‑Ġustizzja fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta (l‑Ewwel Istanza). Bejn l‑2011 u l‑2014 Dun Brendan serva wkoll bħala mħallef fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tad‑Djoċesi ta’ Għawdex. Fl‑2014 inħatar imħallef fit‑Tribunal Reġjonali tat‑Tieni Istanza, u f’Ġunju tal‑2015 sar imħallef fit‑Tribunal Ekkleżjastiku tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta (l‑Ewwel Istanza). Wara li fis-sajf tal-2016 Mons. Carmelo Zammit inħatar Isqof ta’ Ġibiltà, fl-1 ta’ Awwissu 2016, Dun Brendan ingħata l‑inkarigu ta’ Vigarju Ġudizzjali Aġġunt fit‑Tribunal Metropolitan ta’ Malta.

    Matul dawn is‑snin, Dun Brendan serva wkoll f’diversi parroċċi u komunitajiet, inkluż il‑parroċċa tiegħu, il‑Mosta. Bejn l‑2009 u l‑2012 kien rettur taż‑Żona Pastorali Marija Omm il‑Knisja, f’Ta’ Mlit, il‑Mosta. Mill‑2014 ’l hawn huwa qed jgħin bħala saċerdot fil‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, l‑Msida; bejn l‑2015 u l‑2016 kien ukoll membru tal‑Bord tad‑Diretturi ta’ Radju RTK. Bħalissa huwa jservi wkoll bħala direttur spiritwali ta’ diversi għaqdiet u gruppi fosthom it‑Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku f’Malta, u VOTO, il‑Voluntiera tal‑Ordni ta’ San Ġwann (SMOM).