Il‑Knisja f’Malta inawgurat ix‑xelter ‘Il‑Milja’ għal nisa li esperjenzaw vjolenza u għal uliedhom. Ix‑xelter, li se jkun immexxi mill‑Knisja permezz ta’ Fondazzjoni Sebħ, se jilqa’ nisa li għaddew minn abbuż jew vjolenza, fosthom vittmi ta’ vjolenza domestika, traffikar tal‑bnedmin, prostituzzjoni sfurzata kif ukoll abort sfurzat. Dan ix‑xelter ta’ tieni stadju (second‑stage shelter), li jinkludi 12‑il appartament li ser jilqgħu sa 36 persuna, ġie jiswa lill‑Knisja f’Malta miljun ewro biex il‑binja ġiet immodernizzata u mgħammra apposta għall‑ħtiġijiet tan‑nisa u t‑tfal tagħhom. ‘Il‑Milja’ jinkludi kmamar għat‑terapija għat‑tfal u l‑adulti, kif ukoll spazji miftuħa għal rikreazzjoni f’ambjent sigur.

Ix‑xelter li jinsab f’Dar Ġesù Nazzarenu fiż‑Żejtun ġie inawgurat f’Jum l‑Omm mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna fil‑preżenza tal‑President ta’ Malta u s‑Sinjura Vella. Għall‑inawgurazzjoni attendew ukoll il‑Ministru għas‑Solidarjetà u l‑Ġustizzja Soċjali, il‑Familja u d‑Drittijiet tat‑Tfal Michael Falzon, ix‑Shadow Minister tal‑Politika Soċjali u l‑Familja Claudette Buttigieg, u l‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija Mons. Charles Cordina. L‑inawgurazzjoni saret wara l‑quddiesa tal‑Ħadd mill‑Knisja Ġesù Nazzarenu u xxandret fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Fil‑messaġġ tiegħu qabel inawgura u bierek dan ix‑xelter, l‑Arċisqof fakkar fil‑maternità spiritwali ta’ diversi nisa, fosthom ta’ sorijiet, li minkejja li ma kellhomx, ħadmu sabiex jagħtu dinjità lil mijiet ta’ tfal u anke nisa li għaddew minn żmien diffiċli.  Irringrazzja lis‑Sorijiet Missjunarji ta’ Ġesu Nazzarenu li permezz tal‑ħidma tal‑benefatturi u tal‑fundaturi tagħhom, il‑ġid li sar matul is‑snin qed jaqsmuh ma’ nies oħrajn li għandhom bżonn ħafna għajnuna. Wara l-inawgurazzjoni l-Arċisqof Scicluna ltaqa’ wkoll mar-residenti nisa u t-tfal taghhom li se jgħixu f’dan ix-xelter, u tahom warda kull wieħed fl-okkazjoni ta’ Jum l-Omm.

Id‑Direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ, Yvonne Mallia, spjegat li għal 18‑il xahar in‑nisa u t‑tfal residenti fix‑xelter se jkunu qed jingħataw l‑għajnuna meħtieġa minn diversi professjonisti sabiex jerġgħu jiksbu l‑indipendenza tagħhom u jibdew jgħixu ħajja ’l bogħod mill‑abbuż u l‑vjolenza. Yvonne Mallia qalet li x‑xelter ġie inawgurat f’Jum l‑Omm għaliex il‑Knisja trid tgħaddi messaġġ li minkejja t‑tbatija fiżika u mentali li għaddew minnha dawn in‑nisa, dawn jixraqilhom jgħixu b’mod dinjituż, jiġu rrispettati u maħbuba. Hija rringrazzjat ukoll lill‑Gvern tas‑sapport u l‑finanzjament biex jitmexxa x‑xelter. Raddet ħajr lill‑voluntiera, benefatturi, kumpaniji u ħaddiema li emmnu f’dan il‑proġett u fis‑servizzi offruti minn Fondazzjoni Sebħ, għaliex permezz tagħhom il‑Knisja tista’ tkompli timpenja ruħha fl‑għajnuna lill‑persuni vulnerabbli fis‑soċjetà.

Is‑servizz ta’ xelter tat‑tieni stadju ilu jiġi offrut mill‑Knisja f’Malta għal dawn l‑aħħar 20 sena. ‘Il‑Milja’ ser jieħu post ix‑xelter li kien f’Dar Qalb ta’ Ġesù fil‑kumpless tal‑Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera, li l‑Arċidjoċesi tat lil Hospice Malta għat‑twaqqif ta’ St Michael’s Hospice li se jipprovdi servizzi ta’ kura paljattiva għal pazjenti b’mard terminali.

Fondazzjoni Sebħ hija għaqda mhux governattiva tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta li tmexxi erbat idjar residenzjali għal tfal u żgħażagħ, u toffrilhom ambjent sigur ta’ trobbija u ta’ mħabba. Fondazzjoni Sebħ tmexxi wkoll servizz ta’ ħidma soċjali ta’ prevenzjoni u sapport fil‑komunità fil‑Ħamrun u l‑Marsa.

Agħfas hawn għall-filmat tal-inawgurazzjoni tax-xelter ‘Il-Milja’.

Aktar ritratti >>