Żewġ seminaristi fil‑ħames sena ta’ preparazzjoni fis‑Seminarju tal‑Arċisqof ser jitolbu lill‑Arċisqof Charles J. Scicluna biex jaċċettahom uffiċjalment bħala kandidati għall‑Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali. Din iċ‑ċelebrazzjoni ser issir għada, il‑Ħadd 5 ta’ Jannar 2020, waqt il‑Quddiesa tal‑Epifanija fil‑Konkatridral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fid‑9:15 a.m.

Sean Abela mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, u Jean Claude Attard mill-Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn, ser jistqarru pubblikament ir‑rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill‑Knisja biex iservu bħala saċerdoti.

L-Arċisqof Scicluna, filwaqt li jilqagħhom b’ferħ, ser ikun qed jitlobhom biex matul is‑snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall‑Ordni Sagri.

Il‑komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn iż-żewġ kandidati għas‑saċerdozju.