-
-
Fis‑sottomissjoni li l‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) ħejjiet waqt l‑eżerċizzju ta’ konsultazzjoni dwar il‑Viżjoni għall‑Iżvilupp Sostenibbli għall‑Gżejjer Maltin għall‑2050 li sar f’Novembru li għadda, hija tqajjem dawn il‑punti:
- Dwar ir‑responsabbiltà li għandha tittieħed mill‑ministeri varji, il‑KA tħoss li x‑xogħol tagħhom ma jħallihomx jiffokaw fuq kwistjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Mill‑banda l‑oħra, il‑fatt li l-iżvilupp sostenibbli jkun taħt il‑Ministeru tal‑Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil‑Klima jagħti x’jifhem li ‘żvilupp sostenibbli’ għandu x’jaqsam biss mal‑ambjent. Għaldaqstant, il‑KA tissuġġerixxi li l‑iżvilupp sostenibbli għandu jiddaħħal fil‑portafoll tal‑prim ministru.
- Il‑KA tissuġġerixxi li jitwaqqaf kumitat parlamentari magħmul minn rappreżentanti taż‑żewġ naħat tal‑Kamra li jiddeċiedi fuq strateġija nazzjonali għal żvilupp sostenibbli u l‑policies li jridu jiġu stabbiliti biex jitwettqu.
- Għalkemm l‑impenn fuq kull livell huwa importanti, il‑Gvern għandu d‑dmir jagħmel il‑parti tiegħu. Fuq livell ta’ policy, dan l‑impenn lejn sostenibbiltà jista’ jfisser li:
-
- il‑proċess ta’ żvilupp sostenibbli jaf jitlob li jiġu implimentati policies li permezz tagħhom jiġu mħarsa l‑ambjent u l‑interessi soċjali aktar milli l‑gwadann ekonomiku għal żmien qasir,
- il‑Kunsill Malti għall‑Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) għandu jsir il‑Kunsill Malti għall‑Iżvilupp Sostenibbli (MCSD), u
- il‑konsulenti fuq suġġetti li jikkonċernaw l‑iżvilupp ikunu magħżula minn grupp ta’ nies li jafu xi jfisser tassew żvilupp sostenibbli.
Il‑KA tfaħħar l‑inizjattiva tal‑Ministeru għall‑Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil‑Klima li jippreżenta viżjoni għat‑tul għas‑sostenibbiltà u talli integraha mal‑Miri għall‑Iżvilupp Sostenibbli (SDGs). Apprezzat ukoll il‑firxa wiesgħa ta’ konsultazzjoni li jidher li hu sinjal ta’ kif inhu ppjanat li jimxi l‑proċess kollu. Madankollu, l‑KA taraha stramba li f’dokument li jindirizza l‑iżvilupp sostenibbli f’Malta—pajjiż b’densità qawwija ta’ popolazzjoni—ma tantx jidher li qegħdin nirriflettu fuq il‑limiti ta’ kemm jiflaħ il‑pajjiż u fuq il‑ħtieġa li nrażżnu t‑tkabbir. Jeħtieġ li l‑Viżjoni tisfida r‑raġunament li żieda fil‑Prodott Domestiku Gross qiegħda fil‑fatt tgħin biex titjieb il‑kwalità tal‑ħajja tal‑ġenerazzjonijiet tal‑lum u, fuq kollox, ta’ għada.
Għalhekk il‑KA tħoss li hemm xi aspetti fil‑prinċipji li fuqhom se tkun imsejsa l‑governanza li għandha twassal għall‑għan mixtieq, li jixirqilhom ikunu kkunsidrati:
- Kunsiderazzjonjiet fit‑tul: għandna nattakkaw il‑kawża tal‑kwistjoni u mhux is‑sintomu.
- Integrazzjoni: waqt li jagħraf il‑ħtieġa li jiġu integrati policies ambjentali, soċjali u ekonomiċi, id‑dokument jirrepeti l‑iżball li jindirizzahom b’mod separat. L‑ekonomija ta’ pajjiż ma tistax timxi ’l quddiem jekk ma tingħatax prijorità lill‑ambjent u lill‑fibra soċjali.
- Parteċipazzjoni: li jkollok konsultazzjoni wiesgħa u parteċipazzjoni miċ‑ċittadini huwa indispensabbli biex kulħadd ikun jixtieq, imma fuq kollox jimplimenta strateġija ta’ żvilupp sostenibbli. Il‑parteċipazzjoni ma tistax tkun imħollija biss għall‑approvazzjoni ta’ manifest elettorali li ssir darba kull ħames snin.
- Rifessività: Fid‑dokument il‑KA xtaqet kieku ssib evalwazzjoni ta’ dak li ġara fil‑passat. Tħoss li d‑dokument għal darb’oħra jassumi li bidla fil‑policy awtomatikament tagħti lok għal bidla fl‑imġiba.
Fuq kollox il‑KA tixtieq li tissuġġerixxi l‑onestà bħala prinċipju għall‑governanza tal‑istrateġija għal żvilupp sostenibbli għal Malta.
Hemm xi punti li, għalkemm huma meqjusa bħala l‑għerq tal‑problemi ambjentali f’pajjiżna, xorta waħda tħallew barra mid‑dokument. Insemmu biss in‑numru eċċessiv ta’ karozzi privati fit‑toroq tagħna u l‑impatti negattivi tal‑industrija tal‑kostruzzjoni. Din marret ferm lil hinn minn kemm tiflaħ is‑soċjetà tagħna u qed tħalli effett negattiv fuq l‑ispazji fejn ngħixu u fuq il‑fibra soċjali.
Il‑Viżjoni tagħraf li l‑edukazzjoni hija kruċjali biex ikollna sostenibbilità. Madankollu, il‑KA tgħid li l‑edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli fost l-adulti (l‑aktar għall‑policy makers u għall‑kunsilli lokali) għadha nieqsa. Id‑dokument jagħmel sew jappella biex il‑ħaddiema jtejbu l‑kwalifiki u jiżviluppaw il‑ħiliet tagħhom. B’hekk il‑gżejjer tagħna jkunu jistgħu jħallu warajhom il‑prinċipju ta’ pro‑business li fih jistagħnew il‑ftit, u jmorru għall‑benefiċċji aktar fit‑tul għall‑komunità li tgawdi minn ekonomija li tkun aktar pro‑person.
3