19-il organizzazzjoni fi ħdan il-Knisja f’Malta li joffru s-servizzi tagħhom fil-qasam soċjali ltaqgħu mal-Arċisqof Charles Scicluna nhar l-Erbgħa 26 t’April 2023 fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. L-organizzazzjonijiet, li jagħmlu parti mis-Segretarjat tad-Djakonija, tkellmu dwar il-ħidma tagħhom u r-realtajiet li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum.

Wara li sema’ l-preżentazzjonijiet tagħhom, l-Arċisqof għamel diskors qasir tal-għeluq fejn irringrazzja lil kull organizzazzjoni tal-ħidma importantili qed twettaq fis-soċjetà Maltija. Ħeġġiġhom ukoll biex ikun hemm djalogu kontinwu u koordinazzjoni bejniethom ħalli r-riżorsi li għandhom jintużaw bl-aħjar mod possibbli għall-ġid ta’ persuni fil-bżonn u dawk l-aktar vulnerabbli.

“Inħoss ukoll li fuq ċerti kwistjonijiet hemm bżonn noħolqu pjattaforma komuni. Fl-aħħar mill-aħħar qed niddiskutu tħassib li jaffettwa lis-soċjetà sħiħa. U naħseb li meta jkun hemm vuċi komuni, inkunu iktar b’saħħitna,” qal l-Arċisqof. 

L-entitajiet preżenti kienu: iċ-chaplancies tal-Isptar Mater Dei u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin; Caritas, id-Dar tal-Providenza, id-Djar tal-Knisja għall-Anzjani, il-Kummissjoni Migranti, Fondazzjoni Sebħ, Dar Hosea, Dar Merħba Bik Foundation, Kummissjoni Djoċesana Djakonija, Millennium Chapel, Osanna Pia, Paolo Freire Institute, Segretarjat Assistenza Soċjali, St Jeanne Antide Foundation, Fondazzjoni Suret il-Bniedem, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il-Koordinatur tal-Ħidma Persuni Separati u Soup Kitchen OFM – Valletta.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u Mons. Charles Cordina, id-Delegat tal-Arċisqof għad-Djakonija.

Nhar il-Ħadd li għadda l-Knisja f’Malta fakkret Jum il-Karità u ġabret il-flus għall-entitajiet li jipparteċipaw f’dan il-jum. Min jixtieq jgħin, għandu fiċ-ċans li jagħmel donazzjoni permezz ta’:

  • ċekk pagabbli lill-Arċidjoċesi ta’ Malta li jintbagħat fuq Segretarjat Djakonija, Jum il-Karità, Kurja tal-Arċisqof, P.O. Box 1, Floriana FRN1520. Iċ-ċekkijiet aċċettati mill-banek jridu jkunu ta’ €20.01 jew aktar.
  • https://knisja.mt/donazzjonijiet/ – fil-messaġġ jinkiteb Jum il-Karità u l-flus imorru għal dan il-għan.
Entitajiet membri tas-Segretarjat tad-Djakonija f’laqgħa mal-Isqfijiet – 26/04/23 Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

Aktar ritratti