Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Il-parabbola li jippreżentalna l-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (cfr Lq 16, 1.13) tidher li hi ftit diffiċli biex tinftiehem. Ġesù jirrakkonta storja ta’ korruzzjoni: amministratur diżonest, li jisraq, imbagħad meta sidu jsir jaf, jaħdem b’moħħu biex joħroġ mis-sitwazzjoni. Nistaqsu lilna nfusna: fiex jikkonsisti dal-ħażen tal-moħħ – min qed jużaħ hu korrott -, u xi jrid jgħidilna Ġesù?
Mir-rakkont naraw li dan l-amministratur korrott jispiċċa fl-inkwiet għax abbuża mill-ġid ta’ sidu; issa jkollu jagħti kont u se jispiċċa jitlef ix-xogħol. Imma hu ma jħossux tellief, ma jirrassenjax ruħu għad-destin u ma jilgħabhiex tal-vittma; bil-maqlub, mill-ewwel jaħseb bil-ħażen, ifittex soluzzjoni, għandu l-inizjattiva. Minnufih Ġesù jieħu spunt minn din l-istorja biex itina l-ewwel provokazzjoni: “ulied id-dinja – qal – jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom” (v. 8). Jiġifieri jiġri illi min jimxi fid-dlam, skont il-kriterji tad-dinja, jaf idabbar rasu meta jinqala’ l-għawġ, jaf iħaddem rasu aktar mill-oħrajn; iżda d-dixxipli ta’ Ġesù, jiġifieri aħna, kultant inkunu reqdin, inkella inġenwi, ma nafux nieħdu l-inizjattiva biex infittxu mnejn se noħorġu meta nkunu f’diffikultà (cfr Il-Ferħ tal-Vanġelu, 24). Per eżempju, qed naħseb fil-waqtiet ta’ kriżijiet personali, soċjali, imma ekkleżjali wkoll: xi drabi nħallu l-qtigħ il-qalb jirkibna, jew inkella ninfexxew ingemgmu jew naqgħu fil-vittimiżmu. Iżda – jgħid Ġesù – jista’ jkollna moħħ li jilħqilna skont l-Evanġelju, nishruu nkunu attenti biex niddixxernu r-realtà, inkunu kreattivi biex infittxu soluzzjonijiet tajbin, għalina u għall-oħrajn.
Iżda hemm tagħlima oħra li joffrielna Ġesù. Infatti, fiex jikkonsisti l-ħażen ta’ moħħ l-amministratur? Hu jaqtagħha li jnaqqas id-dejn ta’ min hu midjun ma’ sidu u hekk isir ħabib magħhom bit-tama li jkunu jistgħu jgħinuh meta s-sid ikeċċih. L-ewwel kien jaħżen il-ġid għalih, issa qed jużah biex jitħabbeb ma’ min jista’ jgħinu aktar tard. Fl-istess triq jisraq. Allura Ġesù joffrielna tagħlima dwar l-użu tal-ġid: “Agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex tagħhom (v. 9). Jiġifieri li biex nirtu l-ħajja ta’ dejjem, m’hemmx għalfejn naħżnu l-ġid ta’ did-dinja, imma dak li jgħodd hu l-karità li nkunu għexna fir-relazzjonijiet ma’ ħutna. Allura din hi l-istedina ta’ Ġesù: tużawx il-ġid ta’ did-dinja għalikom infuskom biss u għall-egoiżmu tagħkom, imma nqdew bih biex tiġġeneraw il-ħbiberija, biex toħolqu relazzjonijiet tajbin, biex timxu bil-karità, biex tmexxu ‘l quddiem il-fraternità u tieħdu ħsieb l-aktar dgħajfa.
Ħuti, fid-dinja tal-lum ukoll hemm stejjer ta’ korruzzjoni bħal dik tal-Evanġelju; imġieba diżonesta, politika inġusta, egoiżmi li jiddominaw l-għażliet tal-individwi tal-istituzzjonijiet, u tant aktar sitwazzjonijiet oskuri. Imma aħna l-insara m’għandniex permess naqtgħu qalbna, jew, agħar, inħallu kollox jgħaddi, nibqgħu indifferenti. Bil-maqlub, aħna msejħin biex inkunu kreattivi u nagħmlu l-ġid, bil-prudenza u l-astuzja tal-Evanġelju, billi nużaw il-ġid tad-dinja – mhux biss dak materjali, imma d-doni kollha li rċevejna mingħand il-Mulej – mhux biex nistgħanu aħna, imma biex niġġeneraw imħabba fraterna u ħbiberija soċjali. Dan huwa importanti ħafna: bl-atteġġjament tagħna niġġeneraw il-ħbiberija soċjali.
Nitolbu lil Marija Santissma, tgħinna nkunu bħalha, foqra fl-ispirtu u għonja fil-karità ma’ xulxin.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Niżżi ħajr lil Alla għall-vjaġġ li għamilt fil-jiem li għaddew, fil-Kazakhstan, fl-okkażjoni tas-seba’ Kungress tal-Mexxejja tar-Reliġjonijiet dinjin u tradizzjonali. Hu ħsieb tiegħi li nitkellem dwaru waqt l-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa li ġej.
Jien imnikket ħafna minħabba l-ġlied reċenti bejn l-Azerbajġan u l-Armenia. Nesprimi l-qrubija spiritwali tiegħi lejn il-familji tal-vittmi, u nħeġġeġ lill-partijiet biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied, bl-għan li jintlaħaq ftehim ta’ paċi. Ma ninsewx: il-paċi hi possibbli meta jisktu l-armi u jibda d-djalogu! U nkomplu nitolbu għall-martri Ukrajna u għall-paċi f’kull art imdemmija minħabba l-gwerra.
Nixtieq niżgura li qed nitlob għall-popolazzjonijiet tar-reġjun tal-Marche (fl-Italja) li ntlaqtu minn għarar vjolenti. Nitlob għall-mejtin u għall-familjari tagħhom, għall-feruti u għal min ġarrab ħsarat kbar. Il-Mulej jagħti l-qawwa lil dawk il-komunitajiet!
Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi. Insellem partikolarment lir-Reliġjużi nisa ta’ Marija Immakulata ġejjin minn diversi komunitajiet madwar l-Afrika, l-Amerika Latina, l-Asja u l-Ewropa; kif ukoll lill-fidili minn Siviglia u l-Grupp Sekulari s-Sinjura Tagħna taċ-Ċenaklu.
Insellem lill-grupp minn Caturano, mid-djoċesi ta’ Capua; lill-adoloxxenti minn Soliera (Modena); lill-membri tal-komunità “Ulied is-Sema”; lill-Pro Loco mir-reġjun ta’ Lazio u lill-grupp tat-tobba veterinarji mill-provinċja ta’ Verona, flimkien mal-familjari tagħhom. Insellem ukoll liż-żgħażagħ tal-“Economy di Francesco” li llum jinsabu hawn fil-pjazza: ibqgħu dejjem mexjin ‘il quddiem! Niltaqgħu dalwaqt f’Assisi.
Ħsieb speċjali jmur lejn il-foqra u l-volontarji “tad-Dar ta’ Żakkew”, minn Mesagne: il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org