Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Nixtieq niddedika din il-katekeżi u li jmiss lit-tfal u nirrifletti fuq il-pjaga tax-xogħol tal-minuri.

Illum nafu kif naraw lil Mars u nixħtu ħarsitna lejn dinjiet virtwali, imma mbagħad inbatu biex inħarsu f’għajnejn tifel li tħalla fil-ġenb u li qed jiġi sfruttat u abbużat. Is-seklu li qed jiġġenera l-intelliġenza artifiċjali u jipproġetta ħajja fuq iktar minn pjaneta waħda għadu ma rnexxilux jindirizza l-pjaga tat-tfulija umiljata, sfruttata u midruba għall-mewt. Ejjew naħsbu fuq dan.

Qabelxejn nistaqsu: x’messaġġ qed tagħtina l-Iskrittura Mqaddsa fuq it-tfal? Hu kurjuż li ninnutaw kif l-aktar kelma li tidher fit-Testment il-Qadim, wara l-isem divin ta’ Jaħweh, hi l-kelma ben, jiġifieri “iben”:  kważi ħamest elef darba. “Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied (ben), ħlas tiegħu hu frott il-ġuf” (Salm 127:3). L-ulied huma don ta’ Alla. B’xorti ħażina, dan id-don mhux dejjem hu ttrattat b’rispett. Il-Bibbja stess teħodna fit-toroq tal-istorja fejn jidwi l-għana ta’ ferħ, imma jitilgħu ’l fuq ukoll il-karbiet tal-vittmi. Ngħidu aħna, fil-ktieb tal-Lamentazzjonijiet naqraw: “Ilsien it-tarbija tal-ħalib weħel mas-saqaf ta’ ħalqha, minħabba l-għatx; it-tfal jittallbu l-ikel, imma ma jagħtihom ħadd” (4:4); u l-profeta Naħum, meta jfakkar x’kien ġara fit-toroq qodma ta’ Tebe u ta’ Ninwè, jikteb: “Uliedha ż-żgħar ukoll sefgħu mbiċċra fi ftuħ kull triq” (3:10). Ejjew naħsbu f’kemm tfal, illum, qed imutu bil-ġuħ u huma magħkusa bix-xogħol, jew imbiċċra mill-bombi.

Anki Ġesù tarbija tat-twelid minnufih jinħakem mir-riefnu tal-vjolenza ta’ Erodi, li jagħmel straġi mit-tfal ta’ Betlehem. Traġedja mudlama li tirrepeti ruħha f’forom oħra tul l-istorja. U arawh, għal Ġesù u l-ġenituri tiegħu, l-inkubu li jisfaw maħruba f’pajjiż barrani, kif qed jiġri llum lil tant persuni (ara Mt 2:13-18), lil tant tfal. Wara li għaddiet it-tempesta, Ġesù jikber f’raħal li qatt ma ssemma fit-Testment il-Qadim, Nazaret; jitgħallem il-mestier ta’ mastrudaxxa tal-missier legali tiegħu, Ġużeppi (ara Mk 6:3; Mt 13:55). Hekk “it-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu” (Lq 2:40).

Fil-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù kien jipprietka minn raħal għall-ieħor flimkien mad-dixxipli tiegħu. Jum wieħed resqu lejh xi ommijiet u ppreżentawlu t-tfal tagħhom biex iberikhom; imma d-dixxipli bdew iċanfruhom. Allura Ġesù kisser it-tradizzjoni li kienet tqis it-tfal bħala biss oġġett passiv, u sejjaħ lejh id-dixxipli u qalilhom: “Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla”. U hekk wera li t-tfal huma mudell għall-adulti. U żied solennement: “Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha” (Lq 18:16-17).

F’silta simili, Ġesù jsejjaħ tfajjel lejh, iqiegħdu f’nofs id-dixxipli u jgħidilhom: “Jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 18:3). U mbagħad iwissi: ““Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ ta’ baħar” (Mt 18:6).

Ħuti, id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu ma għandhom qatt iħallu li t-tfal jiġu ttraskurati jew ittrattati ħażin, li jiġu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, li ma jiġux maħbuba jew protetti. L-Insara għandhom id-dmir li jipprevenu b’impenn u jikkundannaw b’qawwa l-vjolenzi u l-abbużi fuq il-minuri.

Illum ukoll, b’mod partikulari, huma wisq iċ-ċkejknin li qed jiġu mġiegħla jaħdmu. Imma tifel li ma jitbissimx, tifel li ma joħlomx ma jistax jagħraf u lanqas iwarrad it-talenti tiegħu. F’kull rokna tad-dinja hemm tfal sfruttati minn ekonomija li ma tirrispettax il-ħajja; ekonomija li, meta tagħmel hekk, tkun taħraq l-ikbar depożitu ta’ tama u mħabba li għandna. Imma t-tfal għandhom post speċjali fil-qalb ta’ Alla, u kull min jagħmel ħsara lil tifel jew tifla, irid jagħti kont ta’ dan.

Għeżież ħuti, min jagħraf li hu iben u bint ta’ Alla, u speċjalment min hu mistieden iwassal lill-oħrajn l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu, ma jistax jibqa’ indifferenti; ma jistax jaċċetta li ħutu ċkejknin, flok ma jiġu maħbuba u protetti, jiġu misruqa mit-tfulija tagħhom, mill-ħolm tagħhom, vittmi tal-isfruttament u tal-marġinalizzazzjoni.

Nitolbu lill-Mulej jiftħilna moħħna u qalbna għall-għożża u għall-ħlewwa, u li kull tifel u kull tifla jista’ jikber fis-snin, fl-għerf u fil-grazzja (ara Lq 2:52), u jirċievi u jagħti l-imħabba. Grazzi.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard