Pope in Castel-Gandolfo

“Familji li qed jgħixu għal Kristu huma fost il-protagonisti fil-missjoni tal-Knisja lejn evanġelizzazzjoni ġdida.” Dan kien il-kliem tal-Papa Benedittu XVI qabel ir-reċita tat-talba tal-Angelus quddiem il-folla miġbura quddiemu fir-residenza tiegħu tas-Sajf f’Castel Gandolfo.

F’riflessjoni fuq silta meħuda mil-liturġija tal-ġurnata, eżattament mill-Ittra lill-Filippin, il-Papa nnota li “l-kitba madwar 50 sena wara Kristu, kienet diġa sintesi kompluta tal-misteru ta’ Kristu; inkarnazzjoni, ‘kenosis’ li tfisser umiljazzjoni b’mewt fuq salib u glorifikazzjoni wara l-mewt.”

Żied li “il-misteru fih innifsu twaħħad mal-ħajja tal-Appostlu San Pawl li kiteb l-ittra waqt li kien il-ħabs, jistenna sentenza ta’ ħajja jew mewt”. Kompla billi kkwota lil San Pawl dwar il-ħajja fi Kristu u r-rebħa akkwistata bil-mewt, sens ġdid tal-ħajja, sens għall-eżistenza umana li tikkonsisti f’komunjoni ħajja ma’ Kristu ħaj.

Il-Papa jissokta jirrifletti kif “il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu huma l-aħbar it-tajba li tibda minn Ġerusalemm u li hi destinata biex tilħaq lill-bnedmin tad-dinja kollha, destinata biex tbiddel il-kulturi radikalment billi tesponihom għall-verita fundamentali li Alla hu mħabba, sar bniedem f’Ġesu Kristu u bis-sagrifiċċju tiegħu, ta’ ħajtu stess, nissel sens ta’ tama fil-bniedem”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika kompla jgħid li “illum qed ngħixuf’epoka ta’ evanġelizzazzjoni ġdida. Il-protagonisti ta’ din il-missjoni huma dawk kollha li bħal San Pawl kapaċi jgħidu li ħajjithom hi fi Kristu, l-għalqa li jaħdmu fiha hi ta’ Kristu”. Fi kliemu, “huma dawk li b’umilta u sens ta’ ġenerożita jaħdmu mingħajr ma jistennew ebda kumpens lura waqt li jkunu megħdija fil-missjoni ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu”.