Nhar is-Sibt, 17 ta’ Settembru, 2011, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. attenda l-ftuħ tas-Sena Pastorali taċ-Ċentru Vokazzjonijiet, is-Seminarju.

Fr. Michael Bellizzi, direttur taċ-Ċentru Vokazzjonijiet qasam il-ħsibijiet tiegħu u x-xogħol li jwettaq dan iċ-Ċentru mal-qarrejja ta’ dan is-sit.

“Minnufih telqu kollox … u marru warajh”


Illum għandna ħafna affarijiet importanti x’nagħmlu.  Imma kollox huwa importanti ndaqs?  Bħala nsara lkoll ġejna msejħin biex nieħdu impenn pubbliku li nibnu s-Saltna ta’ Alla, u b’hekk ngħinu lil Ġesù jkompli l-missjoni tiegħu fid-dinja.

Waħda mill-mistoqsijiet li lkoll se jkollna nwieġbu xi darba f’ħajjitna hi: “Alla xi jrid minni?”   Din hi domanda li fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju nippruvaw inressqu quddiem l-adolexxenti u ż-żgħażagħ li niltaqgħu magħhom.

Avolja l-attività taċ-Ċentru tibqa’ għaddejja sajf u xitwa — bl-impenn ta’ bosta seminaristi, u anke lajċi, li jiġu jagħtu daqqa t’id — ix-xhur tas-sajf ikunu tassew xi ħaġa speċjali.  Matul is-sena jkollna laqgħat kull xahar għat-tfal subien li jkunu fil-Form 1 u 2.  Dawk minn Form 3 ‘il fuq ikollhom live-in kull term, waqt li dawk li jkunu mill-età tal-Form 6 ‘il fuq ikollhom live-in kull xahar.  Imma fis-sajf nippruvaw nagħtu esperjenza ta’ live-in lil kulħadd.  Dan is-sajf kellna 13-il live-in li għalihom attendew madwar 240 student.

Xieraq li nirringrazzjaw lil Alla u lil xulxin tal-esperjenza li għamilna flimkien.  Niċċelebraw ukoll il-familja — ladarba l-ġenituri għandhom post tant importanti biex l-ulied jiskopru u jikbru fis-sejħa li Alla jkun qed jagħmlilhom.  Fl-aħħar attività tas-sajf, flimkien ma’ Mons. Arċisqof — li huwa l-promotur ewlieni tal-vokazzjonijiet fid-djoċesi — ninġabru biex niċċelebraw l-Ewkaristija u inġeddu l-impenn tagħna li nibqgħu infittxu r-rieda ta’ Alla u nwettquha f’ħajjitna.

Is-saċerdoti Maltin flimkien mal-Arċisqof qed iwettqu ħidma li bdiet meta Ġesù bagħat lill-Appostli tiegħu ma’ kullimkien.  Din il-missjoni ma waqfet qatt u jeħtieġ tkompli llum ukoll.  Is-sejħa biex tkun qassis hija rigal kbir, u ġġib ferħ kbir — lil min jirċeviha u lill-poplu nisrani kollu.

Fis-seminarju ta’ Malta, dan ix-xahar se jibdew żewġ seminaristi ġodda.  Ħamsa oħra se jkunu qed jagħmlu sena esperjenza barra mis-seminarju, waqt li seba’ qed iħejju biex ikunu ordnati djakni f’Ottubru li ġej.  Grupp ieħor ta’ sitt żgħażagħ se jibdew żmien ta’ preparazzjoni qabel jidħlu s-seminarju s-sena li ġejja, jekk Alla jrid.

AGĦFAS HAWN biex taqra l-messaġġ tal-Arċisqof.