“Ikollok teżor fis-sema” (Mt 19:21). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù lil daż-żagħżugħ, kif smajna fl-Evanġelju llum, li jistaqsieh x’għandu jagħmel biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem. Innutaw il-mistoqsija ta’ dan iż-żagħżugħ. Ma kinetx biss: x’għandi nagħmel biex ngħix ħajja tajba u nkun kuntent? Imma: “biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem” (Mt 19:16).

Kienet mistoqsija importanti, li turina li dan iż-żagħżugħ kien jemmen fil-ħajja ta’ dejjem. Għalih ma kinetx din il-ħajja ta’ hawnhekk, u daqshekk, tieqaf hemm. Imma jemmen li għandu, wara dil-ħajja, jikseb il-ħajja ta’ dejjem. Hekk nistqarru aħna stess kull darba li nagħmlu l-istqarrija tal-fidi tagħna meta ngħidu: “nemmnu fil-qawmien mill-imwiet, u fil-ħajja ta’ dejjem”. Nafu li din tagħmel id-differenza kollha fil-ħajja tagħna. Altru qegħdin hawn għal ftit snin, min iktar u min inqas, u daqshekk; u altru nemmnu li qegħdin fil-mixja lejn il-ħajja ta’ dejjem.

Kif wieġbu Ġesù? Nixtieq li nħarsu lejn it-tweġiba ta’ Ġesù. L-ewwel nett Ġesù jsemmilu l-kmandamenti ta’ Alla – in-nies dak iż-żmien kienu midħla tal-kmandamenti. Hu jenfasizza speċjalment hawnhekk il-kmandamenti li jolqtu r-relazzjonijiet mal-oħrajn: “la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġah lil missierek u ’l ommok” (Mt 19:18-19) u mbagħad jiġbor dawn fil-kmandament: “ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dan hu importanti għaliex l-enfasi fuq il-kmandamenti li jagħmel Ġesù hi l-bażi biex aħna ngħixu ħajja deċenti hawn u nkunu tassew qed naħdmu għall-ħajja ta’ dejjem. Hu kliem attwali u rilevanti llum, għax issib illum min jirraġuna li mill-kmandamenti li jogħġbok, tagħżel, u li ma jogħġbokx, twarrab, u tagħmel il-kontra. Hawn min dak li hu ħażin fis-soċjetà llum ma jsejjaħlux ħażin imma jsejjaħlu “stil ta’ ħajja”. Ħu, per eżempju, dan li qal Ġesù “la tisraqx”. Aħna nafu li tisraq ma jfissirx biss xi ħadd li jisgassa l-bieb tad-dar, u jidħol u jieħu flus u oġġetti minn hemm. Dak serq, ċertament, imma anke hemm serq minn taħt – il-frodi, il-korruzzjoni, it-tberbiq ta’ flus in-nies. Dak ukoll hu serq u kontra l-kmandament ta’ Alla. L-istess: Ġesù jgħid “la tixhidx fil-falz”. Hawn min jirraġuna: l-aqwa li nipproteġi lili nnifsi; għalhekk jekk hemm bżonn nigdeb. Hemm min jieħu wkoll ġurament falz biex jipproteġi lilu nnifsu. Dak ukoll hu kontra l-kmandament ta’ Alla. Għalhekk qed jgħid Ġesù: l-ewwel inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla.

Issa daż-żagħżugħ wieġeb lil Ġesù: “Jien dan kollu ħaristu. X’jonqosni iżjed?” (Mt 19:20) U hawn Ġesù jagħmillu l-istedina biex ibigħ il-ġid li għandu, jagħtih lill-foqra, u jkollu teżor fis-sema; imbagħad jimxi warajh. Nafu li din kienet iebsa ħafna għal dan iż-żagħżugħ. Imma x’jolqotna? Daż-żagħżugħ, kif semmielu l-ġid, qisu għamel shutter biex jagħlaq. Ma ddiskutiex iktar miegħu, ma staqsiehx xi mistoqsija oħra. Telaq “b’qalbu sewda” (Mt 19:22). Tant kien marbut mal-ġid li kellu, tant kien għalih kollox il-ġid, li telaq. U kif nafu, dal-ġid ma tantx kien iġiblu ferħ, għax telaq b’qalbu sewda.

X’jurina dan kollu għall-ħajja tagħna? Ħa nsemmi żewġ affarijiet mill-kelma ta’ Alla. L-ewwel nett, kemm hu importanti li aħna f’ħajjitna verament inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla, u li jiggwidawna f’din il-mixja tagħna lejn is-sema pajjiżna! Mhux nagħżlu liema jogħġobna mill-kmandamenti, imma nsegwuhom. It-tieni, li aħna noqogħdu attenti li l-ġid li għandna ma jkunx mażżra ma’ għonqna, jiġifieri jorbotna – għan flok mezz. Jekk ikun hekk, la nistgħu ngħixu kuntenti aħna, u lanqas nistgħu nagħmlu l-ġid, kif irid Ġesù. Ġesù jrid li mill-ġid li għandna ngħinu lil min hu fil-bżonn, u hekk ikollna teżor fis-sema. Irridu niftakru li meta l-Mulej isejħilna għall-ħajja ta’ dejjem, ma aħniex se nieħdu l-ġid li akkwistajna, li ħżinna, imma l-ġid li għamilna mal-oħrajn.

Nitolbu lill-Mulej llum il-grazzja li aħna naħdmu għal dan it-teżor fis-sema, billi jkollna qalb li tħares il-kmandamenti tiegħu, u qalb ukoll libera li mhijiex marbuta mal-ġid tal-art b’mod li nitilfu l-ġid tas-sema.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju