“Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten” (Lq 11:15). Dan hu li xi wħud min-nies qalu fuq Ġesù, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa, u qalu dan wara li Ġesù kien keċċa xitan minn wieħed imbikkem.

Li lil Ġesù għajruh diversi affarijiet nafuha mill-Evanġelju stess. Kien hemm min qallu “wikkiel u sakranazz, ħabib tal-midinbin” (Lq 7:34), “Samaritan” – li għalihom kienet ukoll tgħajjira – “u li għandek fik xitan” (Ġw 8:48). Mument minnhom hekk qalu: li “għandu fih spirtu ħażin” (Mk 3:30), imma hawn qishom jilħqu l-quċċata ta’ dan it-tgħajjir billi jgħidu li dan qiegħed jaħdem bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten.

Nafu, kif spjega Ġesù, li din kienet kontradizzjoni għax ma jistax ix-xitan ikeċċi x-xitan,  jew bis-saħħa tiegħu li tkeċċi x-xjaten. Imma dawn kienu lesti jidħlu f’kull kontradizzjoni għax kienu għomja bil-preġudizzji li kellhom kontra Ġesù u ma kinux kapaċi, minħabba dawn il-preġudizzji, dak li hemm tajjeb isejħulu tajjeb, dak li Ġesù jagħmel tajjeb – tant għamel ġid – isejħulu tajjeb.

Noqogħdu attenti mill-preġudizzji tagħna. Ma nħallux il-preġudizzji  jmexxuna fil-ħajja tagħna għax ma narawx ċar meta jkunu l-preġudizzji li jikkmandawna.

Imma kien hemm aktar minn hekk: li dawn kienu wkoll jinsultaw lil Ġesù u nafu li f’mumenti minnhom jinsultawh, imbagħad jiftiehmu kontrih, imbagħad jgħawwu n-nies kontrih, imbagħad jispiċċaw joqtluh. Araw kif tinbena biċċa biċċa meta lill-bniedem ma tibqax tirrispettah, tirrispetta anke d-dinjità tiegħu ta’ bniedem – apparti li Ġesù kien ukoll Bin Alla – imma anke fuq livell ta’ bniedem jispiċċaw biex jaslu għall-agħar affarijiet għaliex meta inti tinsulta b’dal-mod, tispiċċa tasal għall-agħar affarijiet. 

Issa dan huwa messaġġ, anzi hawnhekk għandna messaġġi importanti għalina għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett li noqogħdu attenti mill-preġudizzji tagħna. Ma nħallux il-preġudizzji  jmexxuna fil-ħajja tagħna għax ma narawx ċar meta jkunu l-preġudizzji li jikkmandawna. U nibdew anke ngħidu affarijiet li mhux minnhom. Imbagħad noqogħdu attenti anke fi kliemna li aħna ma ninsultawx lill-oħrajn. Ħaġa li tolqtok illum kemm taqra insulti, kultant anke fuq nies tal-Knisja, mexxejja tal-Knisja. Issa verament meta bniedem jinsulta b’dak il-mod, jgħajjar, iktar qed jgħid fuqu nnifsu milli fuq ħaddieħor, fuq dak li qed jinsulta. Ikun qed jgħid x’hemm fil-qalb, li l-qalb tkun mgħowwija, mimlija bil-ħażen. U għalhekk irridu noqogħdu attenti aħna li kliemna ma jkunx kliem li jinsulta.

Imbagħad il-messaġġ importanti wkoll hawnhekk huwa li aħna nagħrfu lil Ġesù tassew bħala Bin Alla, dak li lilna jsalvana, u qalbna niftħuha għalih ħalli hu jkun jista’ jibdel għall-aħjar il-ħajja tagħna u tassew jgħinna biex aħna nimxu fit-triq it-tajba. Dan jiġi jekk aħna verament nagħrfu l-ġid mhux biss li għallem Ġesù, li naqraw fl-Evanġelju, imma l-ġid li għamel Ġesù u speċjalment hawnhekk dan il-ġid li huwa jkeċċi x-xitan, ikeċċi l-ispirtu tal-ħażen minn ġo fina u minn kull fejn hemm il-ħażen. Hu bil-qawwa tiegħu biss li nistgħu negħlbu tassew il-ħażen.

Ejjew nitolbu ’l Mulej biex jitfa’ fina dan l-ispirtu tiegħu ħalli aħna, fil-kliem tagħna, fl-attitudni tagħna, inkunu dejjem kif jixtieq hu minna imma speċjalment ukoll li bil-qawwa tiegħu – il-qawwa tiegħu ta’ Bin Alla, ta’ Alla li jaħdem fina – ikollna tassew l-spirtu tajjeb tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju