Aħna l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qed nissieħbu mal‑Patrijarka ta’ Ġerusalemm, il‑Kardinal Pierbattista Pizzaballa, li f’isem l‑Ordinarjati tal‑Art Imqaddsa għamel appell għat‑talb għal dawk kollha li qed ibatu fil‑baħar ta’ vjolenza, qerda u mibegħda fl‑Art Imqaddsa – li diġà ħalla tant vittmi.

B’mod partikolari, il‑Patrijarka ta’ Ġerusalemm għamel sejħa biex nhar it‑Tlieta, 17 ta’ Ottubru 2023, tkun ġurnata ta’ talb u sawm għall‑paċi, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni.

Għalhekk, inħeġġu lill‑parroċċi, komunitajiet reliġjużi, movimenti u gruppi fi ħdan il‑Knisja, familji, u lill‑Insara kollha f’Malta u Għawdex biex, b’mod speċjali dakinhar, inkunu magħqudin flimkien fit‑talb u s‑sawm.

Ma’ din l‑intenzjoni ngħaqqdu wkoll it‑talb għall‑paċi, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni fl‑Ukrajna u dawk il‑postijiet kollha li bħalissa għaddejjin minn kalvarju u minn ġlied.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

✠ Anton Teuma
    Isqof ta’ Għawdex 

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

    Dun Jimmy Bonnici
    Segretarju Ġenerali Konferenza Episkopali