L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid”. Din hi espressjoni ta’ San Ġorġ Preca, qaddis Malti, u fiha niftakar mal-ewwel meta nara l-istorja sabiħa tal-Agostinjani fl-edukazzjoni f’pajjiżna. Propju llum qed niċċelebraw il-175 sena mit-twaqqif tal-ewwel skola tal-Agostinjani f’Malta li kienet l-ewwel skola tal-Knisja b’xejn, u dan sew qabel l-introduzzjoni tas-sistema edukattiva obbligatorja għal kulħadd.

Kif smajna, din l-iskola kienet tifforma parti mill-kunvent tal-Agostinjani fil-Belt Valletta. Kienet taqdi l-istudenti tal-madwar, jiġifieri l-Belt u l-Kottonera. Kienet skola miftuħa għal ulied il-poplu, mibnija fuq imħabba, kura u servizz.

L-iżvilupp tul is-snin

Nixtieq nirringrazzja lil Alla tal-impenn tal-Agostinjani li dejjem raw kif għamlu biex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar servizz. Iktar ’il quddiem f’Ħal Tarxien, imbagħad ħamsin sena ilu fil-Pietà, u iktar reċenti bl-iskola primarja fil-Marsa, huma fittxew li jaqdu l-missjoni tagħhom billi jiżviluppaw il-Kulleġġ Santu Wistin b’mod li llum iħaddan skola primarja u sekondarja, madwar 800 student u 170 edukatur u staff.

Illum inħarsu bi gratitudni lejn Alla għal din il-ħidma kbira tul is-snin, u b’talba biex ikompli jagħti l-għajnuna u d-dawl tiegħu lill-Agostinjani fil-qadi ta’ din il-missjoni.

L-edukazzjoni tgħinna ngħożżu l-verità

Nixtieq li nenfasizza llum dak li jgħid San Pawl fit-Tieni Ittra tiegħu lil Timotju, meta jgħidlu: “Nitolbok bil-ħerqa…xandar il-kelma” (2 Tim 4:1-2). Jgħidlu biex jinsisti f’kull ħin, “Għax għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom…u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef” (2 Tim 4:3-4). Fid-dawl ta’ dan nagħrfu kemm hi important l-ħidma edukattiva li qed issir mill-Kulleġġ Santu Wistin, li għandha l-iskop li twassal tagħlim tajjeb li jagħmel il-ġid.

F’dan għandna llum ħafna sfidi. Waħda mill-isfidi kbar hi li qegħdin ngħixu f’baħar ta’ messaġġi li jiġu minn kull naħa, ħafna drabi mill-media soċjali, u li jkunu ta’ kull tip. L-edukazzjoni trid tgħinna biex nagħrfu ngħarblu dak li nirċievu – nagħżlu l-verità mill-gidba, l-informazzjoni korretta mill-ħrejjef, dak li jagħmel ġid minn dak li jagħmel ħsara, dak li jibni minn dak li jħott. L-edukazzjoni tgħinna biex nagħmlu dawn l-għażliet.

L-edukazzjoni tħarriġna biex insejħu b’isimhom it-tajjeb u l-ħażin

L-edukazzjoni tgħinna biex inkunu kapaċi nsejħu t-tajjeb b’ismu u l-ħażin b’ismu, u ma nippruvawx niġġustifikaw dak li hu ħażin. Meta l-ħażin inpinġuh tajjeb – din hi realtà li qed ngħixu f’tant oqsma fis-soċjetà tagħna – inkunu dħalna fi sqaq u daħħalna lil ħafna oħrajn magħna.

Santu Wistin, l-ispirazzjoni ewlenija għall-Agostinjani, kien iħobb ħafna t-tagħlim. Qabel il-konverżjoni tiegħu kien għalliem tal-arti tal-kelma, ir-rettorika.  Kif insibu fil-ktieb ta’ l-Istqarrijiet, f’mument partikolari tal-ħajja tiegħu huwa telaq min Kartaġni lejn Ruma u aktar tard lejn Milan.  L-għan tiegħu kien li jitgħallem u jgħallem din l-arti tal-kelma.

L-edukazzjoni tinbena fir-relazzjonijiet

Iktar ’il quddiem, Santu Wistin jindika aspetti importanti ta’ kif twassal il-kelma. Juri kemm hu importanti li nsibu l-lingwaġġ tajjeb biex nikkomunikaw; u kemm jiswa ta’ ġid li r-relazzjoni bejn l-edukaturi u l-istudenti tkun waħda serena u ferrieħa biex b’hekk it-tagħlim u l-interess fis-suġġett mgħallem ikun wieħed pożittiv.  

Għal Santu Wistin, li jgħodd l-aktar huwa l-mod kif l-għerf jitwassal lil min għadu qiegħed jiskoprih, u jgħin lill-istudent ikompli jistħarreġ u jfittex aktar dwar dak li qed jitgħallem dwaru. Jien konvint li dan hu li jmexxi l-ħidma Agostinjana fil-Kulleġġ Santu Wistin, u jħalli ħafna frott.

L-edukazzjoni toħroġ it-tajjeb u tiżviluppah

Waħda mill-isfidi importanti fl-edukazzjoni hija biex ngħinu lill-istudenti jagħrfu t-talenti u d-doni tagħhom u jiżviluppawhom b’mod sħiħ. Nixtieq inħarsu ftit lejn l-Evanġelju tal-lum, skont San Mattew, meta Ġesù jsejjaħ lil żewġt aħwa, Xmun u Indri, imbagħad żewġt aħwa oħra, lil Ġakbu u Ġwanni. Kienu sajjieda, u Ġesù ried jagħmel minnhom “sajjieda tal-bnedmin” (Mt 4:19). Ried li jużaw id-doni tagħhom għal missjoni partikulari. Fil-fatt l-Evanġelju jsemmi li tnejn minnhom kienu qegħdin jixħtu x-xbiek, u tnejn oħra kienu qegħdin isewwu x-xbiek. U dawn il-ħidmiet – li toħroġ ’il barra u li ssewwi – it-tnejn huma importanti ħafna fil-ħidma edukattiva.

L-Evanġelju jurina kif Ġesù ra l-kapaċità ta’ dawn, u għenhom biex jużawha mbagħad għall-missjoni sabiħa bħala dixxipli u appostli tiegħu. Din hi l-ħidma tal-Kulleġġ Santu Wistin: li jagħraf dak li hu tajjeb f’kull student, u jgħinu jiżviluppa d-doni u t-talenti tiegħu. Ħadt pjaċir nara s-simboli tal-pjanta, il-ħamrija, l-ilma – simboli li juru x’isir fl-iskola. Bil-mod il-mod iż-żerriegħa tikber u tiżviluppa, bl-għajnuna ta’ ħafna, u hekk tilħaq il-milja tagħha.

L-edukazzjoni tiffjorixxi f’ambjent ta’ għaqda

L-edukazzjoni tilħaq l-għan tagħha meta ssir f’ambjent ta’ għaqda u mħabba. Is-silta li smajna mill-Atti tal-Appostli turina l-ewwel Insara li kienu bi qlub ferħana “u jaqsmu kollox bejniethom” (Atti 2:44). Kien hemm dik l-għaqda li għandha tkun karatteristika ta’ skola Kattolika. Jien ċert li intom qed taħdmu biex din tkun karatteristika importanti li toħloq ambjent ta’ familja fl-iskola, fejn kulħadd iħossu f’daru, u jista’ jiffjorixxi b’tant elementi pożittivi li jibnu l-iskola.

L-edukazzjoni twassal għal kontribut ta’ ġid fis-soċjetà

Kif tesprimu tajjeb intkom stess, il-Kulleġġ Santu Wistin huwa komunità edukattiva ta’ persuni bl-għan li jgħinu lill-istudenti jkabbru fihom konvizzjonijiet morali. L-edukazzjoni twassal biex l-istudenti, bil-valuri Nsara ta’ mħabba u ta’ għożża, jikbru f’persuni ta’ karattru, li jkunu kapaċi jagħtu kontribut siewi lis-soċjetà.  

Għanja ta’ ferħ u radd ta’ ħajr

Fis-Salm Responsorjali tlabna flimkien: “Ngħanni ferħan b’ruħi u b’ġismi lil Alla l-ħaj” (Salm 84:3). Din hija l-għanja tal-lum: hi għanja ta’ ferħ, hi għanja ta’ tifħir, hi għanja ta’ ringrazzjament lil Alla għal dawn is-snin kollha li għaddew, għal dak li qed isir bħalissa fl-iskola primarja u sekondarja, għal dawk kollha li qed jagħtu s-servizz tagħhom fil-Kulleġġ; kif ukoll talba biex timxu ’l quddiem b’dan l-ispirtu.

Nixtieq ngħid lill-Mulej: Grazzi tal-ħidma tal-Agostinjani f’Malta fil-qasam tal-edukazzjoni tul dawn il-175 sena. Nitolbuk, Mulej, biex issaħħaħ u dejjem issebbaħ din il-ħidma, ħalli tkompli tkun ta’ ġid kbir għall-Knisja u għas-soċjetà Maltija.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti