“Biex infittxu relazzjonijiet aktar umani f’kull soċjetà, inkluża l-Knisja, irridu naħdmu bla waqfien biex niffurmaw individwi maturi u koerenti li, sodi fil-fidi u l-prinċipji etiċi tagħhom, kapaċi jeħduha kontra l-ħażen, u jagħtu xhieda tal-verità b’ittri kapitali”.
Dan affermah il-Papa Franġisku lbieraħ f’messaġġ mibgħut lill-parteċipanti tat-3 Kungress tal-Amerika Latina, li qed jinżamm fil-Panama bejn it-12 u l-14 ta’ Marzu.
Organizzat miċ-Ċentru għall-Protezzjoni tal-Minuri (CEPROME), dan l-avveniment ġabar rappreżentanti tal-Knisja mir-reġjun biex jirriflettu fuq it-tema: “Vulnerabbiltà u abbuż: Lejn viżjoni usa’ tal-prevenzjoni”.
Neqirdu l-pjaga tal-abbuż
Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa fada f’idejn il-Mulej l-isforzi tal-Knisja biex teqred “il-pjaga tal-abbuż f’kull qasam tas-soċjetà”.
Fakkar fl-udjenza li kellu fil-Vatikan f’Settembru li għadda mal-membri taċ-CEPROME. Dakinhar hu kien saħaq fuq l-impenn tal-Knisja li tiskopri “l-wiċċ kollu tbatija ta’ Ġesù f’kull wieħed u waħda mill-vittmi”.
Il-Papa Franġisku ħeġġeġ ukoll lill-parteċipanti biex jitolbu għall-konverżjoni tal-midinbin kollha, waqt li jaħdmu għall-prevenzjoni minn kull xorta ta’ abbuż.
Nifhmu l-vulnerabbiltà
Meta nqisu l-argument mill-għajnejn ta’ Alla, żied il-Papa, dan jista’ jgħinna nifhmu aħjar il-vulnerabbiltà tagħna.
“Li naraw id-dgħufijiet tagħna bħala skuża biex ma nibqgħux inkunu persuni u Nsara sħaħ, li ma nafux nieħdu f’idejna d-destin tagħna, dan joħloq persuni infantili”, qal, “u bl-ebda mod ma jirrappreżenta ċ-ċkunija li għaliha jistedinna Ġesù”.
Minflok, qal il-Papa, l-Insara huma msejħin isibu l-qawwa fid-dgħufija tagħhom waqt li jafdaw fil-grazzja ta’ Alla (ara 2 Kor 12:8-10). Meta nsibu l-qawwa u l-fiduċja tagħna f’Alla, “inkunu kapaċi naffaċċjaw is-saram tal-ħajja u ngħinu fil-ġid komuni fil-vokazzjoni li għaliha ġejna msejħin”.
Neqirdu sitwazzjonijiet li jipproteġu lil min jabbuża
Il-Papa Franġisku kompla jsejjaħ lill-Knisja biex teqred strutturi li jipproteġu persuni li jabbużaw.
“F’dik li hi prevenzjoni”, qal, “l-isforzi tagħna bla dubju ta’ xejn għandhom jimmiraw li jeqirdu sitwazzjonijiet li jipproteġu lil dawk li jinħbew wara l-pożizzjoni tagħna biex jimponu ruħhom fuq oħrajn b’mod pervers, imma biex nifhmu wkoll għaliex mhumiex kapaċi jirrelataw ma’ oħrajn b’mod san”.
Il-Papa nnota li kull soċjetà li mhix ibbażata fuq fil-premessa ta’ integrità morali “hi soċjetà marida”, li r-relazzjonijiet tagħha jispiċċaw mgħawġa mill-egoiżmu, il-biża’, u l-qerq.
Il-Papa Franġisku, li llum jagħlaq 11-il sena mill-elezzjoni tiegħu bħala Suċċessur ta’ Pietru, għalaq il-messaġġ tiegħu lit-3 Kungress tal-Amerika Latina billi stieden lill-parteċipanti jafdaw “id-dgħufija tagħhom f’idejn il-qawwa li jagħtina l-Mulej”.
Sors: Newsbook.com.mt