Stqarrijiet għall-Istampa

Ċelebrazzjonijiet liturġiċi mmexija mill-Arċisqof fil-Ġimgħa Mqaddsa

L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna jistieden lill‑Insara biex jieħdu sehem fiċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Ġimgħa Mqaddsa li matulhom l‑Knisja Kattolika tfakkar il‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Kulħadd mistieden jattendi għaċ‑ċelebrazzjonijiet li ser jippresiedi fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Dawn se jixxandru b’mod dirett fuq TVM, TVMNews+, Radju 103 u online fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Nhar il‑Ħadd li ġej, 2 ta’ April, fis‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi ċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm, bit‑tberik tal‑friegħi taż‑żebbuġ u l‑palm, u wara jkompli bil‑Passjoni tal‑Mulej fejn jinqara r‑rakkont tal‑passjoni mill‑Evanġelju skont San Mattew… Kompli aqra »

Direttur ġdid għal Missio Malta

Il‑Kongregazzjoni għall‑Evanġelizzazzjoni tal‑Popli tas‑Santa Sede ħatret lil Dun Victor Agius bħala direttur ġdid ta’ MISSIO Malta għall‑ħames snin li ġejjin (2023‑2028).

Il‑MISSIO għandu l‑għan li jgħin lill‑Papa fit‑tixrid tal‑ispirtu missjunarju fost il‑qassisin, reliġjużi, adulti u tfal u jinkoraġġixxi l‑għajnuna lill‑foqra permezz ta’ għajnuna finanzjarja għal proġetti f’pajjiżi tat‑Tielet Dinja. Il‑MISSIO jieħu ħsieb ukoll ix‑xandir tal‑Kelma ta’ Alla f’dawk il‑pajjiżi li qatt ma ġew evanġelizzati… Kompli aqra »

Team ġdid ta’ saċerdoti għaċ-Chaplaincy tal-Isptar Mater Dei

F’dawn l-aħħar xhur il-ħidma pastorali fl-Isptar Mater Dei għaddiet mill-Provinċja tal-Patrijiet Kapuċċini f’idejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar team ta’ saċerdoti biex il-ħidma pastorali fl-isptar tibqa’ tingħata 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd. It-team taċ-Chaplaincy illum hu magħmul minn Dun Louis Farrugia, Dun Reuben Vella, Dun Reuben Deguara u Dun René Camilleri bħala koordinatur ta’ din il-ħidma.

Monsinjur Arċisqof irringrazzja lill-Provinċja tal-Patrijiet Kapuċċini tal-ħidma li dejjem tat għal snin twal fl-Isptar Mater Dei, u qabel fl-Isptar San Luqa, kif ukoll tal-ħidma li għadha twettaq fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre… Kompli aqra »

Kappillan ġdid għall-parroċċa ta’ Wied il-Għajn

L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Luke Cutajar bħala kappillan tal‑Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn.

Dun Luke Cutajar twieled is-Siġġiewi fit-22 ta’ Jannar 1988 u trabba r-Rabat. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja u sekondarja fil-Kulleġġ Stella Maris, il-Gżira, u kompla s-Sixth Form fil-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu. Kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) u Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali, fl-Università ta’ Malta.

Dun Luke Cutajar ġie ordnat saċerdot fl‑2014… Kompli aqra »

Nibqgħu nakkumpanjaw l-għeżież tagħna b’rispett u dinjità

Ittra Pastorali għar-Randan 2023

“Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” (Ġw 11:25-26). Ġesù jagħmel din il-mistoqsija lil Marta, oħt Lazzru u Marija, tlieta mill-ħbieb intimi ta’ Ġesù. L-Evanġelju li għadna kemm smajna llum jgħidilna ċar li Ġesù kien iħobbhom ħafna lil Marta, Marija u Lazzru.

Fil-bidu tal-Evanġelju li smajna tasal l-aħbar lil Ġesù li l-ħabib tiegħu Lazzru marid: “Mulej, ara ħabibek marid” (Ġw 11:3)… Kompli aqra »

Is-saċerdot se jilqa’ l-korteo funebri fil-bieb tal-knisja minflok fil-kamra mortwarja

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ddeċidiet li mix-xahar id-dieħel is-saċerdot se jilqa’ l-korteo funebri fil-bieb tal-knisja, fejn isir it-tberik qabel il-quddiesa, minflok jakkumpanja l-korteo mill-kamra mortwarja sal-knisja.

Kelliema għall-Arċidjoċesi qalet li “l-Isqfijiet ħadu din id-deċiżjoni diffiċli wara li kkonsultaw mal-kappillani. Dan minħabba li n-numru tal-kleru fil-parroċċi qiegħed dejjem jonqos, il-ħin tal-ivvjaġġar dejjem qed ikompli jitwal, u l-ħtieġa li s-saċerdoti jkunu preżenti fil-knisja qabel il-funeral biex ikunu ta’ wens għall-qraba u l-ħbieb kif ukoll għall-qrar.”

Is-saċerdoti se jibqgħu preżenti meta tmut persuna, kemm f’residenzi kif ukoll fl-isptar, u se jibqgħu jieħdu sehem fil-purċissjoni mill-knisja saċ-ċimiterju fejn issir id-difna… Kompli aqra »

L-impjegati tal-Arċidjoċesi ta’ Malta offruti skema speċjali minn APS Bank

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ffirmat ftehim mal-APS Bank plc, li permezz tiegħu l-impjegati tagħha jkunu jistgħu jgawdu minn termini speċjali u benefiċċji oħra fuq għadd ta’ prodotti u servizzi offruti mill-bank.

Il-ftehim ġie ffirmat fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana nhar it-Tnejn 20 ta’ Marzu 2023 mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi Michael Pace Ross, il-Kap Uffiċjal tal-APS Bank Anthony Buttigieg u l-Kap tar-Retail tal-APS Bank Aaron Mifsud… Kompli aqra »

€285,662 miġbura għat-Turkija u s-Sirja

Il‑poplu Malti u Għawdxi ġabar is‑somma ta’ €285,662 f’sitt ġimgħat għal sejħa ta’ emerġenza li saret mill‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex b’risq il‑poplu tat‑Turkija u s‑Sirja, li ntlaqtu minn terremot li ħalla eluf kbar ta’ persuni mejta taħt it‑tiġrif. 

Id‑donazzjonijet ingħataw minn individwi, parroċċi, skejjel, kumpaniji u entitajiet oħra privati li wasslu d‑donazzjonijiet tagħhom permezz ta’ kontijiet ta’ emerġenza miftuħa apposta minn Caritas Malta… Kompli aqra »

Arċipriet u żewġ kappillani ġodda

Dun Roderick Camilleri Arċipriet ġdid għall-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Roderick Camilleri bħala arċipriet tal-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar.

Dun Roderick Camilleri twieled Ħaż-Żabbar fis-27 ta’ Jannar 1984. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ Ħaż-Żabbar, l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo Ġużeppi Despott Verdala, Bormla, u kompla s-6th Form fil-Higher Secondary, in-Naxxar. Kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija) u Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali, fl-Università ta’ Malta… Kompli aqra »

Stedina għall-Kattoliċi kollha f’Malta

Biex jiċċelebra d-diversità fl-għaqda tal-fidi Kattolika, l-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa bl-Ingliż flimkien mal-Kattoliċi kollha li jitkellmu lingwi differenti, iżda kollha jqisu lil Malta bħala darhom, biex jiċċelebraw is-sbuħija tad-diversità tagħhom waqt li jaqsmu bejniethom l-għaqda tal-Ewkaristija.

Il-quddiesa se ssir fil-25 ta’ Marzu fil-6pm fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina. Wara jkun hemm riċeviment żgħir biex dawk preżenti jkunu jistgħu jkomplu jiċċelebraw din l-għaqda… Kompli aqra »