“Fittxu l-ewwel is-Saltna ta’ Alla.” Din il-frażi mill-Evanġelju li għadna kemm smajna, li qara l-Arċipriet mill-Evanġelju skont San Mattew, tiġbor l-ispiritwalità ta’ San Gejtanu. Huwa messaġġ li intom tant intom midħla tiegħu għaliex f’ħafna ikonografija ta’ San Gejtanu din il-kelma ‘quaerite regnum Dei’ jew inkella ‘fittxu s-saltna ta’ Alla’ insibuha prattikament dejjem u kullimkien.

San Gejtanu fittex is-Saltna ta’ Alla billi fehem x’inhi. Hija l-ewwel nett saltna ta’ ħniena, saltna ta’ fejqan u saltna ta’ ħelsien.

Is-saltna ta’ Alla, li San Gejtanu fittex ħajtu kollha, kienet l-ewwel nett saltna ta’ ħniena. San Gejtanu, meta minn Vicenza fejn trabba, fejn twieled u trabba, ġie msejjaħ biex ikun segretarju tal-Papa Ġulju II f’mument fejn Ruma kienet attività sħiha ta’ arti ta’ sbuħija imma wkoll ta’ ċertu lassiżmu fil-morali, Gejtanu kellu l-opportunità jinnota u jifhem is-sbuħija tal-arti u d-dgħufija tal-bniedem. Kien ukoll żmien meta mill-Ġermanja beda jikber moviment li jixtieq ir-riforma tal-Knisja u kienet xi ħaġa ġusta. Kienet għajta biex nerġgħu lura lejn il-valuri fundamentali tas-saltna t’Alla, tal-Evanġelju. Imma kien hemm żewġ modi kif taħdem dan:    Martinu Luteru għażel li jisfida l-poter istitwit, l-istituzzjonijiet ta’ żmienu; Gejtanu għażel triq differenti. Beda minnu nnifsu u ma’ sħabu, li ’l quddiem jissejħu Teatini minħabba li Carafa sar Isqof ta’ Chieti. Beda r-riforma mill-qalb tiegħu stess. Tgħallem, bl-umiltà kbira li dejjem segwietu tul ħajtu kollha, jaħdem fuqu nnifsu billi jafda fil-ħniena ta’ Alla. Kif tafu, dam ma għażel is-saċerdozju għaliex kellu rispett kbir lejn dan il-misteru kbir li jagħżel xi ħadd Alla biex jikkonsagra l-ħobż u l-inbid li jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnu Ġesù u li bil-kelma tas-saċerdot jinħafru d-dnubiet tagħna, imma meta fil-prima messa li għamel f’Santa Maria Maggiore fl-1517 kellu l-esperjenza qawwija tal-preżenza tal-Bambin Ġesù, fehem li l-vokazzjoni tiegħu kienet li jaħdem fuqu nnifsu b’umiltà kbira, imma ma’ sħabu li ħajjar jinġabru miegħu, jagħżel l-istil tal-ħajja tal-appostli. Aħna nsellmu lil Gejtanu u nitolbuh jinterċedi għall-Knisja li f’kull żmien għandha bżonn tiftakar fil-bidu tagħha, is-sejħa tas-saltna ta’ Alla b’sens kbir ta’ fiduċja fil-providenza t’Alla, imma fuq kollox fil-ħniena tiegħu.

San Gejtanu għaraf iħaddem is-saltna ta’ Alla bħala saltna ta’ fejqan. Jiena, kull meta nerġa’ naqra l-ħajja tiegħu, b’mod speċjali meta jkolli niġi hawnhekk, naffaxxina ruħi kemm kien qaddis profond imma anke konkret. F’Venezja daħlet is-sifilide, għax mad-deheb tad-dinja l-ġdida ġie l-mard ġdid ukoll, u ħafna żgħażagħ f’dak il-port bdew jittieħdu minn din il-marda li ma kellhiex fejqan u spiċċaw emarġinati: nies fqar u nies sinjuri. Saru magħrufa bħala dawk li kienu morda b’marda li ma titfejjaqx – ‘gli incurabili’ – dawk li ma tistax tfejjaqhom, kienu abbandunati. Gejtanu u sħabu ħadmu biex joffrulhom ospizji fejn iħossuhom milqugħin.

Huwa appostlu tar-risposta konkreta għal sitwazzjonijiet konkreti ta’ emerġenza. Il-qdusija tiegħu hija qdusija li tirrispondi għall-bżonnijiet ta’ żmienu bil-qawwa tal-providenza ta’ Alla u bi mħabba kbira lejn Ġesù. Imma x’kien qed jagħmel Gejtanu bl-akkoljenza tiegħu tal-inkurabbli ta’ żmienu? Kien qed jimxi fuq il-kmand ta’ Ġesù ‘fejqu l-morda’ u l-morda jfiqu bil-qawwa tax-xjenza, imma jfiqu wkoll għax ikun hemm min jieħu ħsiebhom, min jilqagħhom. Kemm għandna x’nitgħallmu mill-qaddis Gejtanu meta fostna nindunaw li anke l-persuni emarġinati, imwarrbin, forsi mhux għax morda b’xi marda inkurabbli imma għaliex mhumiex fil-perċezzjoni tagħna nies li għandna nilqgħuhom. Gejtanu laqa’ lil kulħadd, ħa ħsieb lil dawk li ħadd ma ried jieħu ħsiebhom u sar xbieha sabiħa tal-Mulej li s-saltna tiegħu hija saltna li ġġib il-fejqan.

San Gejtanu hu appostlu wkoll tas-saltna ta’ Alla li hija saltna ta’ ħelsien. Meta ċ-ċirkustanzi bagħtuh Napli u ra l-vittmi tal-użura, Gejtanu ma qalilhomx biss ‘nitlob għalik’, imma bit-twaqqif tal-Monte di Pietà, li huwa l-oriġini tal-Banco di Napoli, għamel sistema fejn min għandu bżonn jinħeles mid-dejn, li kienet tfisser ukoll skjavitù ġdida, ikollu fejn jissellef b’rati ġusti, u hekk waqqaf sistema fejn l-ekonomija hija għas-servizz tal-bniedem, mhux il-bniedem għas-servizz tal-ekonomija, fejn l-ekonomja hija mod kif tiffaċilita l-intrapriża bil-ħolm tal-individwu u mhux mod kif tjassar.

Il-qaddis tagħna ħadem ukoll għall-paċi soċjali f’Napli u ta ħajtu fl-irvellijiet li qamu lejn tmiem ħajtu għan-Naplitani li minn dejjem huma għajjurin – forsi bħalna wkoll – għal-libertà tagħhom. Meta sieħbu Carafa, li sar Papa, insista li f’Napli tidħol l-inkwiżizzjoni imma b’mod aħrax, in-Naplitani ma ħadux pjaċir u rvillaw. Gejtanu inkwieta ħafna. Inkwieta jara l-poplu jitqabad għal-libertà tiegħu, inkwieta wkoll li f’isem is-saltna ta’ Alla l-bniedem ikun ittorturat u maħkum; inkwieta. Mhux ta’ b’xejn li f’Napli, f’San Paolo Maggiore, huwa meqjum u maħbub għaliex ippretenda l-libertà fil-ħajja tal-poplu u ta ħajtu għaliha. San Gejtanu kien xempju sabiħ tas-saltna ta’ Alla li ma ġġibx il-jasar imma l-libertà.

Ejjew nitgħallmu minn San Gejtanu kif aħna nittamaw f’Alla, fil-providenza tiegħu u fil-ħniena tiegħu. Nistaqsu lilna nfusna l-aħwa: imma jiena, meta nara xi ħaġa ma togħġobnix fil-ħajja u madwari, nibda minni nnifsi? Għaliex faċli tipponta subgħajk l-aħwa ta; ixxammar il-kmiem naqra iżjed diffiċli. Ejjew nitgħallmu minn San Gejtanu li quddiem sfida soċjali, tkun xi tkun, aħna nxammru l-kmiem, nagħmlu xi ħaġa u nafdaw f’Alla wkoll li jgħin lil min jimxi fis-sewwa. Aħna wkoll għandna l-isfida ta’ nies: forsi fil-familja tagħna li ma nkellmuhomx, li mhumiex tal-qalba minħabba ċirkustanza jew oħra. Se nagħmlu sforz bl-interċessjoni ta’ San Gejtanu li dawk li huma emarġinati nressquhom qrib tagħna, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza, tkun xi tkun ir-raġuni?

Ejjew nitgħallmu minnu li ħa ħsieb kategorija ta’ nies fi żmienu li ħadd ma ried jagħti kasha. U aħna u nħarsu lejn sitwazzjonijiet differenti fil-ħajja tagħna u fis-soċjetà li ngħixu fiha: ta’ jasar, ta’ sfruttament, ejjew nitolbu l-ewwel nett li aħna ma nkunux kompliċi u t-tieni li nagħmlu xi ħaġa biex is-saltna ta’ Alla, anke llum ukoll, tkun saltna ta’ ħelsien.     

Għeżież Ħamruniżi, intom u tiċċelebraw il-festa ta’ patrun daqshekk kbir, ejjew nitolbu wkoll li fil-ħajja tagħna nitgħallmu nafdaw fil-ħniena t’Alla, inkunu xhieda ta’ saltna li tfejjaq u xhieda ta’ saltna li tagħti l-ħelsien tassew.

Viva San Gejtanu!