L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Salvani, Mulej!” (Mt 14:30) Din kienet l-għajta ta’ Pietru meta beda nieżel ’l isfel ġo l-ilma, u ħabat se jegħreq qalb ir-riħ qawwi u l-mewġ. Tifhimha din l-għajta, għax Pietru ħaseb li seta’ jimxi fuq l-ilma meta Ġesù qallu jmur ħdejh, u fil-fatt beda miexi, imma mbagħad inħakem mill-biża’ minħabba l-maltemp li kien hemm madwaru, u beda nieżel ’l isfel ġo l-ilma.

Kienet l-id ta’ Ġesù li qabditu u salvatu. Ir-riħ kien għadu qawwi, u l-mewġ ukoll, imma l-id ta’ Ġesù – dik l-id li tħaddan, li tbierek, li tfejjaq – ħarġitu lil Pietru minn din is-sitwazzjoni tal-biża’ u salvatu.

Pietru nduna dak inhar li l-ħarsa tiegħu trid tkun dejjem fuq Ġesù. Huwa hu li jsalva, huwa hu li fil-mumenti diffiċli tal-ħajja, meta naraw biss dlam madwarna, jurina d-dawl u jgħinna biex negħlbu l-biża’, biex ma naqtgħux qalbna, biex ma negħrqux. Minna jitlob il-fidi, u għalhekk Ġesù jgħid lil Pietru: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” (Mt 14:31)

Nixtieq li llum nieqfu fuq din it-talba qasira imma qawwija ta’ Pietru “Salvani, Mulej!”, u nagħmluha wkoll it-talba tagħna flimkien bħala komunità u bħala soċjetà: “Salvana, Mulej!”

Minn mentalità mnawra

Salvana, Mulej, minn mentalità li tigglorifika l-ħażen, li tattira hawnhekk, fis-soċjetà tagħna u f’pajjiżna, mhux lil min jista’ jagħraf tant tajjeb li għandna fil-qasam reliġjuż, kulturali, storiku imma lil min jiġi biex jabbuża mid-droga u mix-xorb, u b’ħajja ta’ promiskwità jħalli deni kbir fis-soċjetà tagħna.

Salvana, Mulej, minn mentalità li tmexxi ’l quddiem il-kultura tal-mewt, li lil dawk il-bnedmin li jkunu għadhom ftit ċelloli tqishom bħal disposable – jistgħu jintremew; salvana minn mentalità li flok teduka lit-tfal u liż-żgħażagħ fuq il-ħsara tad-droga, u fuq l-effetti negattivi li tħalli d-droga anke fuq is-saħħa mentali u fil-ħajja, tħeġġiġhom biex jirrikrejaw ruħhom b’sustanzi ta’ ħsara u detriment għalihom.

Salvana, Mulej, minn mentalità ta’ indifferenza lejn il-qagħda mwiegħra ta’ dawk li f’ħajjithom ma rawx ħlief tbatija u qegħdin bejn sema u ilma jistennew l-id ta’ għajnuna li tgħinhom biex ma jegħrqux fil-baħar Mediterran li, fi kliem il-Papa Franġisku, sar kultant ċimiterju.

Salvana, Mulej, minn mentalità li ma tirrispettax lill-ħaddiem, li tisfruttah, li ma tagħtihx il-kundizzjonijiet xierqa għad-dinja tax-xogħol, b’mod li l-ħaddiem ikollu l-ħajja tiegħu mħarsa fil-post tax-xogħol.

Salvana, Mulej, minn mentalità li ma tagħrafx tirrispetta l-ħolqien tiegħek, mentalità li taħseb biss fil-konkos u s-siment u l-bini, b’detriment għall-arja li rridu nirrespiraw f’ħajjitna biex ngħixu, u għas-sbuħija tal-ħolqien li tana Alla.

Salvana, Mulej, minn mentalità li xejn mhu xejn, li kollox jgħaddi, li tqis normali prattiċi ta’ diżonestà, ta’ regħba, ta’ korruzzjoni, u tħaddanhom bħala stil ta’ ħajja flok issejjaħ il-ħażin b’ismu.

Mill-isfiduċja

Minn dan kollu, u minn tant affarijiet oħra li f’ħajjitna jnikktuna u li joħolqulna wkoll diffikultà, nitolbuk Mulej, salvana. Tħalliniex neżlin ’l isfel u negħrqu. U tħalliniex inkunu tant medhijin bil-glorifikazzjoni tagħna nfusna, b’dak li hu superfiċjali u frugħa, b’mod li lanqas nintebħu li għandna bżonn l-id tiegħek.

Imma salvana wkoll, Mulej, minn dawk li jiżirgħu l-isfiduċja fik u fil-Knisja tiegħek; dawk li għandhom widnejhom imblukkati u għalhekk ma jistgħux jisimgħu l-kelma li twassal il-Knisja tiegħek kontinwament fuq ir-rispett lejn il-ħajja, il-ġustizzja, il-valuri tat-tagħlim soċjali tagħha, u l-għajnuna lil dawk li huma vulnerabbli; dawk li għamlu għamad quddiem għajnejhom biex jarawx il-ħidma siewja u ħafna drabi siekta li tagħmel il-Knisja f’tant oqsma differenti għall-ġid tas-soċjetà. Imbagħad f’daqqa waħda, qishom jistenbħu minn raqda u jgħidu: kif il-Knisja ma titkellimx? 

Jekk inti ssodd widnejk biex ma tismax, ma tistax tisma’ l-kelma li kontinwament twassal il-Knisja; u jekk inti tagħlaq għajnejk biex ma tarax, ma tistax tara l-ġid li jsir fis-soċjetà min-naħa tal-Knisja b’mod li tkun rispettata tassew il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.

Tama u kuraġġ

Fid-dawl tal-kelma tiegħu llum, ħa nitfgħu ħarsitna fuq il-Mulej, u nitolbuh biex ikun hu li jagħtina d-dawl u l-qawwa li neħtieġu.

Mulej, int tridna naħdmu bis-sħiħ kontra dak li ħu ħażin imma nagħmlu dan mhux b’insulti, jew tgħajjir, jew billi nweġġgħu lill-oħrajn, imma b’determinazzjoni. Nagħmlu dan billi nqiegħdu l-fiduċja tagħna fik, billi l-ħarsa tagħna tkun fuqek li minnek tiġina l-għajnuna li neħtieġu biex ma negħrqux aħna, biex l-id tagħna tkun dejjem fl-id tiegħek, u biex min-naħa tagħna mbagħad nipprovdu l-id li tgħin lil dawk kollha li jinsabu fi stat ta’ disperazzjoni jew li tilfu t-tama.

Mulej, meta d-dgħajsa ta’ ħajjitna titħabat mal-mewġ u r-riħ ikun il-kontra, il-ħarsa tiegħek timliena bil-qawwa. Int tkompli tgħidilna: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” (Mt 14:27) Saħħaħ fina l-fidi, Mulej, fik li int it-triq, il-verità u l-ħajja, u b’dil-fidi agħtina dejjem it-tama u l-kuraġġ li neħtieġu f’ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti