L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra’ hija parabbola li għandha messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Hawnhekk Ġesù jispjega din il-parabbola ta’ dan il-bidwi li kien qed jiżra’, u ż-żerrigħat waqgħu f’erba’ postijiet differenti: mal-mogħdija, f’art kollha blat, qalb ix-xewk u f’art tajba, ħamrija tajba. U l-messaġġ li qed jagħti Ġesù f’din il-parabbola, l-ewwel nett hu li ż-żerriegħa, li hi l-Kelma ta’ Alla, għandha l-qawwa li tagħmel il-frott. Imma jiddependi minna jekk nilqgħuhiex jew le. Tista’ tagħmel il-frott biss jekk aħna nilqgħuha. U għalhekk: f’idejna. Dan hu l-messaġġ importanti li jagħti Ġesù fejn jispjega x’irid għid biż-żerrigħat li waqgħu f’postijiet differenti. Hawn Ġesù ma jħallihiex għall-immaġinazzjoni ta’ min qed jisma’, biex jara xi tfisser, imma ifisser huwa hu stess din il-parabbola. 

Ġesù jsemmi ż-żerriegħa li taqa’ “mal-mogħdija” (Mt 13:18). Xi tfisser din? Hi l-Kelma li tinżera’ f’qalbna, imma għax ma nifhmuhiex, il-Ħażin jisraqha minn qalbna. Imma jekk ma nifhmuhiex il-Kelma, tort tagħna? Li qed jgħid Ġesù hu li meta l-Kelma ta’ Alla ma nifhmuhiex, infittxu, nistaqsu, naraw xi trid tgħidilna – bħalma nagħmlu bl-affarijiet kollha li jinteressawna fil-ħajja. Meta xi ħaġa ma tifhimhiex imma tinteressak, tgħid: ħa nsaqsi, ħa nfittex, ħa nara ftit; tinżel aktar fil-fond biex tista’ tifhem aktar. Hekk għandna nagħmlu bil-Kelma ta’ Alla, inkella tkun bħal kelma li tidħol minn widna u toħroġ minn oħra. 

Ġesù jsemmi ż-żerriegħa li taqa’ “f’art kollha blat” (Mt 13:20). Jgħid xi tfisser: meta l-Kelma ta’ Alla tinżera’ f’qalbna, imma għeruq ma jkollhiex, imbagħad meta jiġi t-taħbit u l-għawġ, tispiċċa. Għalhekk hu importanti ħafna li l-Kelma ta’ Alla li tinżera’ f’qalbna ma ġġibx biss entużjażmu ta’ mument – bħalma jgħid Ġesù hawn “jilqagħha minnufih bil-ferħ” (Mt 13:20) – imma dan l-entużjażmu jkompli, inkella tkun qisha furja tal-mument, u daqshekk. Importanti li l-Kelma li nilqgħu fina nħalluha tagħmel l-għeruq fina, u ma jkunx biss għax aħna rajna kemm hi sabiħa f’dak il-mument, imbagħad ġie xi taħbit fil-ħajja u spiċċat.

Ġesù jgħid ukoll: iż-żerriegħa li waqgħet “qalb ix-xewk” (Mt 13:22). Hawn qed ifisser il-Kelma ta’ Alla li tiġi fina, imma “l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art” (Mt 13:22) joħonqu din il-Kelma. Nafu kemm hu veru dal-kliem ta’ Ġesù, li jista’ jiġrilna li għax preokkupati b’ħafna affarijiet, qalb ħajja diġa mgħaġġla – irridu nagħmlu ħaġa u oħra, inġibu dik u l-oħra – dan kollu jista’ jfixkilna milli nilqgħu l-Kelma ta’ Alla fina u tagħmel il-frott. Għalhekk jgħid li rridu noqogħdu attenti mill-inkwiet żejjed jew inkella li tfixkilna l-ġibda tal-ġid tal-art.

Imbagħad Ġesù jsemmi ż-żerriegħa li waqgħet “f’art tajba” (Mt 13:23), ħamrija tajba, u hemm tkun tista’ tagħmel il-frott. Għalhekk din hi l-Kelma li mhux biss nisimgħuha, imma nilqgħuha u nħalluha tagħmel l-għeruq fina, u tagħmel il-frott. U x’inhu dal-frott?  Huwa meta dak li nagħmlu ikun tassew ħiereġ mit-tajjeb miżrugħ fina, u jagħmel il-ġid.

Dal-bidwi kellu suċċess? Fl-aħħar, kellu xi żerrigħat li waqgħu f’art tajba, wara l-postijiet l-oħra. Imma Ġesù qed jgħidilna: mhux lejn is-suċċess tal-bidwi għandna nħarsu, imma lejn is-suċċess ta’ ħajjitna. Għax f’idejna: aħna nistgħu jew inħallu l-Kelma tidħol fina u tagħmel il-frott, jew inħalluha b’xi mod jew ieħor tmut. Innutaw li hawnhekk Ġesù mhux qed jitkellem fuq min hu kontra l-Klma ta’ Alla. Ma jsemmix, per eżempju, żerriegħa li waqgħet u xi ħadd rifisha, għaffiġha biex ma tagħmilx il-frott, jew neħħieha minn hemm. Kien qed jgħid fuq il-Kelma li tidħol fina imma minħabba affarijiet oħra ma tistax tagħmel il-frott f’ħajjitna. Għalhekk nitolbu llum il-grazzja lil Alla biex il-Kelma tiegħu nisimgħuha, inħalluha tinżel f’qalbna, tagħmel għeruq fina, u tkun tista’ mbagħad tagħmel il-frott li hu l-ġid li joħroġ minn din il-Kelma. U nitolbu l-Mulej jikkonvinċina li din il-Kelma tiegħu fina tagħti sens lil ħajjitna u turi l-valur, is-siwi ta’ meta ngħixuha tassew f’ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju