50 impjegat mill-Kurja tal-Arċisqof ipparteċipaw f’attività ta’ tindif fl-Aħrax tal-Mellieħa fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ambjent, imfakkar kull 5 ta’ Ġunju.

L-impjegati qattgħu madwar sagħtejn inaddfu ammont kbir ta’ skart, bħal bottijiet tax-xorb, basktijiet u fliexken tal-plastik, kontenituri tal-ikel u loqom tas-sigaretti. L-iskart miġbur imbagħad tpoġġa f’post indikat għall-ġbir tal-iskart.

“Ir-rimi barra tal-iskart qed isir problema ewlenija f’Malta. Barra minn hekk, jista’ jħalli effetti negattivi fuq l-ambjent, bħal ħsara lill-ekosistema. Nittamaw li l-kontribut żgħir tagħna biex Malta ssir post aħjar, iservi ta’ eżempju biex inħeġġu nies oħra jħallu l-post nadif meta joħorġu u jgawdu l-kampanja Maltija,” qalet Dr Rebecca Gatt, Direttur tar-Riżorsi Umani tal-Kurja tal-Arċisqof u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Din l-inizjattiva ta’ tindif saret bħala parti mill-programm tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (corporate social responsibility) tal-Kurja tal-Arċisqof biex titqajjem iktar kuxjenza favur ambjent nadif. L-attività ġiet organizzata b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.