Nhar it-Tnejn, 19 ta’ Settembru 2011, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. attenda l-ftuħ tas-Sena Pastorali tal-Moviment ta’ Kana u ndirizza l-Assemblea Ġenerali, fiċ-ċentru Pastorali Ħ’Attard.

Waqt din l-Assemblea, il-President tal-Moviment ta’ Kana, Dr Anna Vella tkellmet dwar il-missjoni prinċipali tal-Moviment, li hija dik tal-pastorali mal-għarajjes u mal-koppji miżżewġin. Dr Vella qalet li wieħed ma jridx jinsa li dawk l-għarajjes li jattendu l-korsijiet ta’ Kana jkunu diġa għaddew minn diversi stadji fil-ħajja tagħhom u għalhekk ċerti valuri u attitudnijiet ikunu ffurmati fihom. Huwa f’dan id-dawl li saħqet dwar il-ħtieġa ta’ formazzjoni umana u spiritwali għall-edukaturi li f’idejhom hija fdata l-formazzjoni tat-tfal u l-adoloxxenti. Dr Vella esprimiet il-fehma li l-Knisja f’Malta trid timpenja lilha nnifsha biex tissoda l-pastorali tat-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, kif ukoll l-pastorali fl-iskejjel tal-Knisja, tal-Istat u anke dawk indipendenti. Dan bil-għan li l-Moviment ta’ Kana jibni fuq dak li wettqu l-operaturi pastorali u edukattivi biex il-Moviment ikun jista joffri pastorali matrimonjali aktar profonda.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Assistent Direttur tal-Moviment ta’ Kana, Fr Karm Mercieca, qal li fis-sena li ġejja l-Moviment irid ikompli jġedded l-impenn tiegħu f’dik li hija preparazzjoni tal-għarajjes għal żwieġ nisrani u ta’ tisħiħ tal-familji. Qal li dan ser isir b’diversi inizjattivi, ewlenin fosthom ix-xogħol li għaddej bħalissa fuq format ġdid għall-korsijiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ nisrani; erba’ seminars ta’ approfondiment dwar l-antropoloġija nisranija u dwar l-intimitá spiritwali, emozjonali u sesswali tal-koppja, b’kollaborazzjoni mal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali; sehem fil-Proġett ‘Sustainable Lifestyles Project for the Family’ immexxi mill-Caritas, bil-ħsieb li fil-Kors ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ jiġi ntrodott ukoll diskors dwar imaniġġjar finanzjarju effettiv; tingħata iżjed attenzjoni lis-support group tas-separati; l-istampar mill-ġdid tal-fuljett ‘Il-Mixja lejn iż-żwieġ’ li din id-darba qed jiġi stampat ukoll bl-Ingliż.

Id-Direttur tal-Moviment ta’ Kana, Fr Joe Mizzi, rrefera għas-sebgħa laqgħa dinjija għall-familji li ser issir f’Milan fl-aħħar ta’ Mejju li ġej. It-tema magħżula għal din l-okkażjoni hija: ‘Il-Familja: xogħol u ċelebrazzjoni’. Fr Mizzi sejjaħ biex l-isfidi tallum jinbidlu f’opportunitajiet u f’ħidma akbar mal-familji u għall-familji.

L-Arċisqof Pawlu Cremona kkonkluda l-Assemblea billi wera l-appreżżament tiegħu f’isem il-Knisja għal ħidma li jwettqu numru kbir ta’ voluntiera li jagħtu servizz fil-Moviment ta’ Kana. Filwaqt li inawgura s-sena pastorali ġdida tal-Moviment ta’ Kana, l-Arċisqof ħeġġeġ lill-voluntiera biex ikomplu b’din il-missjoni b’risq il-familji Maltin u s-soċjetà Maltija.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]