• Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tagħraf l‑opportunitajiet u, fl‑istess ħin, l‑isfidi li qed tiffaċċja ż‑żona tal‑port, l‑aktar il‑Marsa. Għaldaqstant, tissuġġerixxi li tiġi adottata viżjoni aġġornata u li jsir masterplan ibbażat fuq proċess serju ta’ konsultazzjoni pubblika għal din iż‑żona. Dan għandu jwassal lil dawn l‑inħawi biex jilħqu l‑potenzjal tagħhom b’mezzi li jkunu sostenibbli mill‑aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiku, fl‑aħjar interess ta’ kulħadd.

    Matul it‑tieni nofs tas‑seklu għoxrin, bosta kienu jqisu dawn l‑inħawi bħala waħda miż‑żoni l‑aktar imniġġsa ta’ pajjiżna. Aktar ma naqset l‑attività kummerċjali madwar it‑Tarzna, bl‑għeluq tal‑Marsa Shipbuilding u, aktar riċenti, tal‑power station l‑antika, fiġġew possibiltajiet għal trasformazzjoni kbira tal‑inħawi. Din tista’ tieħu bixriet differenti. Uħud minn dawn iwasslu għal soċjetà aktar ġusta, għax ibbażati fuq ekonomija b’saħħitha u sostenibbli, responsabbiltà ambjentali u kuxjenza favur il‑kwalità tal‑ħajja tal‑ġenerazzjonijiet futuri. Iżda din il‑bidla tista’ wkoll tieħu xejra anqas mixtieqa, għax id‑direzzjoni li tieħu jkollha warajha biss interessi finanzjari immedjati. Il‑Marsa u, fl‑aħħar mill‑aħħar, iż‑żona tal‑port kollha, tinsab f’salib it‑toroq!

    Din iż‑żona għandha potenzjal qawwi ħafna li tiġi riġenerata b’mod kreattiv. Kemm il‑Power Station tal-Marsa kif ukoll il‑Marsa Shipbuilding kienu jokkupaw parti sostanzjali mill‑kosta tal‑inħawi. Din hija mgħammra bi plieri u faċilitajiet għall‑irmiġġ li huma propjetà pubblika imprezzabbli. It‑tnaqqis fil‑kwantità ta’ tniġġis wara li waqfu joperaw dawn iż‑żewġ industriji, ta tama ġdida li issa l‑ambjent fl‑inħawi jkun aktar nadif.

    Madankollu, xi deċiżjonijiet kruċjali li diġà ttieħdu, iqanqlu tħassib serju. Li messu sar fil‑bidu nett huwa pjan serju ta’ x’kellu jsir u kif kellhom jimxu l‑affarijiet. Dan minflok ma saru pjanijiet li ma jidhirx li kienu jħarsu fil‑bogħod, u li ma kienu jagħtu ebda ħjiel ta’ viżjoni dwar l‑aħjar mod kif kellhom jiġu rijabilitati l‑inħawi. Bħala eżempju nistgħu nsemmu t‑twaqqiegħ tat‑turbine hall prinċipali tal‑Power Station B. Minkejja l‑appelli kollha li saru biex tiġi ppreservata bħala wirt industrijali ta’ importanza kbira għal pajjiżna, din il‑binja twaqqgħet mingħajr ma saret ebda konsultazzjoni jew diskussjoni fuq il‑ġejjieni tas‑sit. Fl‑istess ħin, l‑indikazzjoni li ser tibda ssir manutenzjoni tar‑riggijiet taż‑żejt jidher li qed toħloq inkonvenjent lir‑residenti tal‑Isla. Min‑naħa l‑oħra rridu noqogħdu attenti li l‑proġett tal‑junction qrib iċ‑Ċimiterju tal‑Addolorata mhux biss ma jkollux impatt negattiv fuq id‑dehra ta’ dan il‑ġojjell tal‑arkitettura Neo-Gotika f’pajjiżna, imma ma jitfax lir‑reġjun f’getto li jkompli jżid l‑iżolament u jagħti timbru negattiv lill‑Marsa.

    Il‑KA temmen li l‑ippjanar f’pajjiżna jeħtieġ jirrifletti l‑prijorità li l‑ġid komuni għandu jkollu fit‑tfassil ta’ public policy. M’għandu qatt jitħalla jiġri li, waqt li tingħata l‑impressjoni li l‑ħarsien tal‑ġid komuni qed jitpoġġa l‑ewwel, fil‑verità jkunu qabel xejn qed jiġu moqdija l‑interessi tal‑ftit.

    Il‑KA tagħraf il‑valur kbir taż‑żona tal‑Marsa u tħoss li għandha ħafna x’toffri, hekk li tkun ħasra li l‑potenzjal li għandha ma jiġix apprezzat minn kulħadd. Meta wieħed iqis kemm hi qrib tal‑Belt Valletta, u l‑importanza li din issa għandha bħala l‑Kapitali Ewropea tal‑Kultura (bl‑istima għolja li, nittamaw, il‑Belt tibqa’ tgawdi għal żmien twil), l‑żvilupp xieraq u bil‑għaqal fl‑inħawi kollha tal‑port isir prijorità assoluta. Huwa sewwasew għalhekk li jrid ikollna viżjoni ċara u pjan imsejjes fuq proċess serju ta’ konsultazzjoni, li fuq kollox iħares l‑interess pubbliku. Nistgħu, jekk tassew irridu, jkollna l‑viżjoni meħtieġa li tibdel din il‑parti ta’ gżiritna f’waħda li tiġbed l‑ammirazzjoni u l‑istima ta’ kulħadd, b’irqajja ta’ ħdura li jsaffu l‑arja, ix‑xatt li jista’ jinbidel f’lok ta’ rilassament għall‑pubbliku, u żona li toffri opportunità ta’ residenza diċenti bi prezzijiet li jista’ jilħaqhom kulħadd.

    Fit‑tħejjija għall‑masterplan, ta’ min jirreferi għall‑proġetti li kienu ħadmu fuqhom fl‑2016 l‑istudenti tal‑arkitettura u l‑inġinerija fil‑Fakultà tal‑Ambjent Mibni fl‑Università ta’ Malta, u li juru l‑viżjoni tal‑istudenti għall‑ġejjieni tal‑inħawi msemmija.[1]

    Il‑Kummissjoni Ambjent temmen li, wara snin twal ibatu l‑konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet mhux sostenibbli li ħallew u għadhom iħallu effetti negattivi fuq il‑kwalità tal‑ħajja tagħhom, ir‑residenti ta’ din iż‑żona ħaqqhom jaraw żvilupp serju li jkun jagħmlilhom ġieħ, u li minnu jibbenefika l‑pajjiż kollu. Bla ebda dubju, żvilupp ta’ dan it‑tip ikun qed jirrifletti l‑ħsieb tal‑Gvern fir‑riġenerazzjoni tan‑naħa ta’ isfel ta’ Malta.

    [1] https://www.tvm.com.mt/mt/news/studenti-universitarji-jimmaginaw-kif-tista-tkun-il-marsa-fl-2050

  • Ritratt: Ian Noel Pace