Nhar il-Ġimgħa, l‑1 ta’ Novembru 2019, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fil‑festa tal‑Qaddisin Kollha, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fis-6:00 p.m. Din il‑festa tiġi ċċelebrata mill‑Knisja Universali biex l‑Insara jagħtu ġieħ lill‑Qaddisin kollha waqt li jħabirku biex jimxu fuq l‑eżempju tagħhom.

Is-Sibt, 2 ta’ Novembru, Jum it‑Tifkira tal‑Mejtin Kollha, l‑Arċisqof ser jiċċelebra Quddiesa fil‑Knisja taċ‑Ċimiterju tal‑Addolorata, Raħal Ġdid. Il‑Quddiesa tibda fl‑10:00 a.m. Dakinhar, l‑Insara huma mistiedna jitolbu għall‑erwieħ kollha li marru qabilna bis‑sinjal tal‑fidi u bit‑tama tal‑qawmien mill‑imwiet, biex bil‑ħniena ta’ Alla jitnaddfu minn kull dnub. 

L‑Insara kollha huma mħeġġa jattendu biex jiċċelebraw il‑ħajja tal‑Qaddisin u jitolbu wkoll għall‑għeżież mejtin tagħhom.