L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir tal-liġi?” (Mt 22:36). Din il-mistoqsija li għamlu lil Ġesù – kif smajna fl-Evanġelju llum – kienet fi żmien Ġesù mistoqsija li jagħmlu l-għorrief biex jagħżlu liema fost il-kmandamenti kien l-iktar wieħed importanti. Kellhom diversi liġijiet u kmandamenti – kien hemm ’l fuq minn 600, uħud jgħidulek x’għandek tagħmel u oħrajn x’m’għandekx tagħmel. U kienu jiddilettaw jagħmlu din id-diskussjoni biex jagħrfu liema hu l-kmandament l-iktar importanti. U lil Ġesù ppruvaw idaħħluh f’din id-diskussjoni.

Imma Ġesù, flok jagħżel wieħed, jagħżel tnejn, u jgħaqqadhom flimkien: “Ħobb lil Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollu, b’moħħok kollu” (Mt 22:37). Dan hu l-ewwel. U mieghu jgħaqqad it-tieni: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:39). U jgħid li kollha jinġabru hawnhekk: f’dawn iż-żewġ kmandamenti.

Issa lilna llum, x’inhu l-messaġġ li jagħtina Ġesù meta jgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ kmandamenti? 

L-imħabba tmexxina fil-ħarsien tal-kmandamenti

L-ewwel nett, jurina li l-imħabba għandha tkun li tmexxina fil-ħarsien tal-kmandamenti ta’ Alla. Meta nisimgħu l-kmandamenti, mhumiex bħal liġijiet li b’xi mod jew ieħor joħolqu fuqna piż, qisek xi ħaġa li qed tiżdied mal-piżijiet li għandna fil-ħajja u trid tagħmel hekk sempliċement għax bilfors. Jekk inħarsu b’dal mod lejn il-kmandamenti ta’ Alla, inkunu tlifna dak li hu l-iktar essenzjali li Ġesù enfasizza, jiġifieri li hija l-imħabba li għandha tmexxina biex inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla. Hija l-imħabba lejh u lejn l-oħrajn. Meta nagħrfu, għalhekk, kif ngħixu l-imħabba, inkunu tassew qed nosservaw il-kmandamenti ta’ Alla.

Dan jgħodd f’dak kollu li għandna nagħmlu bħala Nsara. Ħu per eżempju l-quddiesa. Aħna nafu li bħala Nsara għandna nieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd, min ikun b’saħħtu naturalment. Min ikun ma jiflaħx, jagħmel tajjeb isegwiha fuq it-televiżjoni jew il-medja soċjali. Imma min ikun b’saħħtu għandu jieħu sehem fil-quddiesa fil-knisja. Imma altru tħares lejn il-quddiesa sempliċement bħala obbligu, għax bilfors, u altru tħares lejha bħala l-laqgħa tagħna ma’ Alla li hu mħabba, li jrid jaqsam l-imħabba tiegħu magħna speċjalment fl-Ewkaristija li hija l-ikbar don ta’ mħabba ħalli jimlielna ħajjitna b’din l-imħabba u nistgħu mbagħad ngħixuha mal-oħrajn. Ara kemm hu isbah meta aħna niftakru li hija l-imħabba li tmexxina, u allura mhux qisna nħarsu lejn il-kmandamenti b’mod li jekk tista’ teħles minnhom aħjar, imma anzi hija l-imħabba li tgħinna biex nagħrfu kif nosservaw il-kmandamenti ta’ Alla.

L-imħabba lejn Alla marbuta mal-imħabba lejn l-oħrajn

It-tieni ħaġa li nara jiena f’dan l-Evanġelju llum huwa kif Ġesù jgħaqqad flimkien l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn, b’mod li ma tistax tifridhom jekk trid tgħix verament bħala dixxiplu ta’ Ġesù. Għax kultant ikun hemm min jifridhom. Ħu, per eżempju, min jgħid: “isma jien irrid inħobb lil Alla għalhekk nitlob, ngħaddi ħin fit-talb, u nipprova kemm jista’ jkun nagħmel anke d-devozzjonijiet tiegħi reliġjużi”. Imma mbagħad, meta jmur id-dar, iġib ruħu ħażin – qed ngħid b’mod ta’ sistema – iġib ruħu ħażin mal-mara, mat-tfal u jimmaltrattahom. Jew inkella fuq il-post tax-xogħol, jagħmel dak li m’għandux jagħmel: serq, diżonestà fuq il-post tax-xogħol. Hemmhekk il-Mulej qed jgħidilna:  ma tistax tħobb ’l Alla u ma tħobbx ukoll lill-proxxmu, jiġifieri b’mod li kif iġġib ruħek qed tkun ta’ dannu għall-oħrajn, ta’ madwarek jew in-nies l-oħra. Hemmhekk lanqas tkun vera, qed jgħid Ġesù, l-imħabba lejn Alla. 

Ħu l-estrem l-ieħor ta’ xi ħadd li jgħidlek: “jien inħobb il-proxxmu, imma tgħidlix nitlob jew immur il-quddies, dawn l-affarijiet m’hemmx għalfejn nagħmilhom, l-aqwa li nħobb il-proxxmu”. Meta tirraġuna hekk, qed tgħid: ninqata’ mill-għajn tal-imħabba, l-aqwa li nħobb! Imma inti, biex tħobb verament, trid din il-qawwa li tiġi minn Alla, din l-imħabba li ġejja minnu. Għalhekk importanti li aħna dejjem ngħaqqdu flimkien, kif għamel Ġesù u enfasizza, l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn.

L-imħabba mhux bit-tpaċpiċ imma bl-għemil

Imbagħad nagħrfu li l-imħabba rridu ngħixuha fil-prattika. San Ġwann jgħid fl-Ewwel Ittra: “Ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ imma bl-għemil u s-sewwa” (1 Ġw 3:18). Huwa fil-prattika tal-ħajja ta’ kuljum li aħna ngħixu l-imħabba. Nixtieq illum nemfasizza kif l-imħabba nuruha proprju bl-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. Mhux qed nistennew xi okkażjoni li tiġi darba kultant li fiha nħobbu, imma rridu nibdew fl-affarijiet iż-żgħar.

Hawnhekk qegħdin fil-post tas-Sorijiet tal-Karità. Il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità twaqqfet minn Santa Giovanna Antida Thouret fl-1799, proprju ftit wara r-Rivoluzzjoni Franċiża. Hi waqqfet Kongregazzjoni bl-intenzjoni li tagħmel rivoluzzjoni ta’ mħabba mal-fqar, mal-morda u mat-tfal ukoll. Dik kienet l-intenzjoni, il-ħsieb tat-twaffiq ta’ din il-Kongregazzjoni, u tant għamlet il-ġid tul is-snin, inkluż f’Malta. Hawnhekk hawn preżenti anke diversi sorijiet, uħud minnhom mimlijin bil-għomor b’ħajja kbira ta’ servizz ta’ mħabba tul is-snin. 

Kemm hu sabiħ li aħna niċċelebraw din l-imħabba li għexu u li qed jgħixu dawn ir-reliġjużi! Imma, naturalment, ir-reliġjużi stess juruna kif din l-imħabba tgħixha l-ewwel fil-ħajja ordinarja. Ir-reliġjużi fil-komunità, aħna wkoll id-dar ma’ dawk qrib tagħna fil-familja. Hemmhekk irridu nibdew ngħixu l-imħabba: billi nismgħu lil xulxin, billi ngħidu kliem ta’ apprezzament u ta’ inkoraġġiment lil xulxin, billi nkunu hemm fil-mumenti ta’ tbatija ta’ xulxin, inkunu preżenti, billi nagħrfu kif nistgħu nagħmlu l-ġid anke b’affarijiet iż-żgħar, billi kultant nieħdu paċenzja b’xulxin, billi naħfru, kif għallimna Ġesù. Tindunaw kif dawn huma affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum fejn nistgħu tassew, u għandna, ngħixu din l-imħabba li għallimna Ġesù. Meta ngħixuha hemmhekk, nindunaw bil-ġmiel tal-imħabba – kif ħajjitna tkun sabiħa, u l-ħajja ta’ dawk li jmissu maghna ssir ukoll isbah. 

Niftakru f’dak li qal San Ġwann tas-Salib: fl-għabex ta’ ħajjitna, se nkunu ġġudikati fuq kemm ħabbejna. Nitolbu lill-Mulej illum dil-grazzja: li jimlielna ħajjitna bl-imħabba tieghu, u jgħinna biex ngħixu dejjem l-imħabba lejh u l-imħabba lejn l-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti