Bħalissa l‑Insara kollha madwar id‑dinja qed jiċċelebraw il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara li se tintemm nhar is-Sibt 25 ta’ Jannar 2025. F’Malta, jum qabel se jsir il-Ġublew mal-Aħwa Nsara fil-ġurnata li normalment isir is-Servizz Ekumeniku Djoċesan. Dan se jitmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna, waqt li l-omelija ssir mill-Eżarka Kyrillos ta’ Melite, li hu l-Eżarka lokali f’rabta diretta mal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli. Dakinhar jieħdu sehem il-mexxejja ta’ Knejjes oħra, Ortodossi u Protestanti, li jinsabu f’pajjiżna.
Is-Servizz Ekumeniku Djoċesan se jsir nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar 2025 fis-6:30pm fil-Knisja Arċipretali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi. Din il-parroċċa ntagħżlet peress li San Nikola hu qaddis ekumeniku, għażiż ħafna għall-Kattoliċi u għall-Ortodossi. Barra minn hekk hemm tradizzjoni antika tgħid li San Nikola ta’ Mira ħa sehem fl-ewwel Konċilju Ekumeniku ta’ Niċea 1,700 sena ilu.
Matul din il‑ġimgħa l‑Knejjes differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku biex isseħħ l‑għaqda fost l‑Insara. It‑tema li ntagħżlet għal din is‑sena hi meħuda mill‑Evanġelju ta’ San Ġwann: “Temmnu inti dan?” (Ġw 11:26) – li hu d-djalogu bejn Ġesù u Marta, ftit qabel ma l-Mulej jagħmel miraklu u jġib lil Lazzru lura għall-ħajja. Din is‑sena, it‑tema u l‑materjal ta’ talb tħejja minn grupp ekumeniku mill-komunità monastika u ekumenika ta’ Bose, fit-Tramuntana tal-Italja.
Il-ġest simboliku ta’ din is-sena meħud mil-Liturġija tal-Vġili tal-Għid, peress li dawk preżenti se jagħtu d-dawl ta’ Kristu lil xulxin permezz tax-xemgħat li se jintużaw.
Hu d-dover ta’ kull Nisrani li jitlob għall-għaqda fost il-Knejjes mifrudin. Dan l-impenn ekumeniku hu parti mill-missjoni tal-Knisja, l-aktar minn żmien il-Konċilju Vatikan II. Kulħadd hu mistieden għas-Servizz Ekumeniku Djoċesan. Dan idum madwar siegħa.