great-synagogue-rome

Meta rrefera għar-rikonoxximent komuni tal-Lhud u l-insara għall-għaxar kmandamenti, il-Papa qal li t-tnejn jistgħu u għandhom jingħaqdu biex jiddefendu lil Alla, il-ħajja u l-familja. Il-Papa għamel din il-proposta meta żar is-sinagoga ta’ Ruma. Fil-verita, kien it-tieni Papa li żar is-sinagoga ta’ Ruma. Kien il-Papa Ġwanni Pawlu II li għamel l-ewwel żjara meta mar hemmhekk 24 sena ilu,  preċiżament fl-1986. Din kienet it-tielet sinagoga li l-Papa Ġermaniż żar, wara dik f’Cologne u dik fi New York.

Id-diskors tal-Kap tal-Knisja Kattolika irriflettew fuq il-patrimonju spiritwali komuni tal-Lhud u l-insara, u għamel affermazzjoni dwar l-isforzi tas-Sede Appostolika biex jiġu salvati Lhud matul it-tieni Gwerra Dinjija. L-Isqof ta’ Ruma enfasizza partikolarment l-għaxar kmandamenti bħala “dawl fuq prinċipji etiċi, tama u anki djalogu; gwida fil-fidi u l-morali għall-poplu t’Alla”.

Kompla jgħid li l-Kmandamenti huma “torċa u norma ta’ ħajja fil-ġustizzja u l-imħabba, ‘kodiċi etiku kbir’ għall-umanita kollha”. Temm jgħid li l-Kmandamenti “jixħtu dawl fuq it-tajjeb u l-ħażin, fuq il-verita u l-falsita, fuq il-ġustizzja u l-inġustizzja”.